1,286 Għawdxi jaħdmu mal-Gvern f’Malta

Huma bosta l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta, b’kolllox fl-2018 kien hawn 1,286 ħaddiem Għawdxi jaħdem mal-Gvern f’Malta. Waqt seduta parlamentari, il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, staqsa lill-Prim Ministru  kemm kien hemm ħaddiema  Għawdxin li jaħdmu f’Malta mill-2013 sal-lum. Staqsa wkoll biex jagħti informazzjoni  dwar ma’ liema Dipartimenti, Awtoritajiet, Aġenżiji jew Entitajiet Governattivi  jaħdmu.

L-iktar ammont ta’ ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu f’Malta f’Novembru tal-2018, kienu fil-qasam tal-edukazzjoni, li jammonta għal 576 ħaddiem Għawdxi. Wara l-qasam tal-edukazzjoni hemm il-qasam tas-saħħa, fejn f’Novembru tal-2018 kien hemm 316 ħaddiem Għawdxi .

Matul is-snin, l-Għawdxin li kienu jaħdmu f’Dipartimenti f’Malta ammontaw għal daqshekk: fl-2013 kien hemm 542 ħaddiem, fl-2014 kien hemm 958 ħaddiem, fl-2015 kien hemm 1,065 ħaddiem, fl-2016 kien hemm 1,260 ħaddiem, fl-2017 kien hemm 1,216 ħaddiem, filwaqt li fl-2018 kien hemm 1,247 ħaddiem. Mill-banda l-oħa fl-2018 kien hemm 39 ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Awtoritajiet, Aġenziji u Entitajiet Governattivi.