​126 persuna jitilfu ħajjithom fl-ibħra Libjani

Mal-126 persuna tilfu ħajjithom fil-baħar fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda fl-ibħra Libjani hekk kif kienu qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa.
Żewġ Sudaniżi li rnexxielhom isalvaw u li kienu mal-grupp ta’ immigranti qalu dan lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni hekk kif twasslu Palermo fi Sqallija minn bastiment Taljan.
Kelliem għal din l-organizzazzjoni qal li b’kollox kien hemm 130 persuna abbord, għax minbarra ż-żewġ Sudaniżi kien hemm ukoll żewġ Niġerjani li rnexxielhom isalvaw.
Id-dinghy li kienu fuqu telaq il-Ħamis mil-Libja fejn jidher li traffikanti Libjani serqulhom il-mutur waqt li kienu f’nofs ta’ baħar.
L-erba’ persuni li baqgħu ħajjin ġew salvati minn dgħajsa tas-sajd Libjana, iżda din ma ħadithomx lura l-Libja u minflok wasslithom sa dgħajsa oħra li kienet qed iġġorr xi immigranti oħra, u li nsertat kienet għaddejja mill-qrib.