126 persuna ddaħħlu l-ħabs fuq serq aggravat

Matul l-2019, 19-il persuna fil-ġimgħa ddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Minn dawn 126 persuna ddaħħlu l-ħabs akkużati b’serq aggravat.

120 persuna jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għax instab li kienu f’pussess ta’ dokumenti foloz filwaqt li 95 persuna minħabba li kisru l-paċi pubblika.

Fl-2019, fil-ħabs ddaħħlu kważi 1,000 persuna.

Din l-informazzjoni ġiet preżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Parlamentari Mario Galea.

16-il persuna fi programm ta’ riabilitazzjoni waqt li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs

Fil-Parlament il-Ministru Byron Camilleri qal li 16-il persuna qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga waqt li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs. Il-Ministru spjega li tliet persuni qed jagħmlu l-programm residenzjali mal-Aġenzija Sedqa, seba’ persuni mal-Caritas u 6 oħra mal-Fondazzjoni Rise.

Fit-tweġiba tiegħu l-Ministru qal li matul il-pandemija tal-COVID-19 ma ntbagħtux aktar residenti minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni. Żied li hemm persuni oħra li jinsabu f’Diviżjoni 7 li qegħdin iħejju ruħhom biex jibdew il-programmi ta’ riabilitazzjoni.

Matul l-2019, 63 persuna ddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’pussess ta’ droga. 33 persuna minnhom ġew jew qed jiġu akkużati b’pussess u traffikar filwaqt li 30 persuna oħra b’pussess u bi ħsieb tat-traffikar.

Il-Ministru qal li matul l-aħħar tliet snin saru 215-il ilment. Huwa spjega li skont ir-regolamenti tal-ħabs ma jistax jagħti informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn l-ilmenti.

Dawn iċ-ċifri ngħataw mill-Ministru Byron Camilleri għall-mistoqsijijiet parlamentari tad-Deputat Parlamentari Ivan Bartolo.

25 barrani residenti Wied il-Għajn mressqa l-Qorti fuq reati kriminali

Fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi biex jagħti rendikont tal-persuni barranin li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali matul l-2019 u huma residenti Wied il-Għajn.

Il-Ministru qal li b’kollox tressqu l-Qorti 25 persuni li n-nazzjonalità tagħhom huma Sirjani, Taljani Somali Brittaniċi, Serbi, Iraqqini, Slovakki, Rumeni, Vjetnamiżi, Ċeki u Russi.

2 rekluti ma temmewx l-aħħar reklutaġġ

Il-Ministru Camilleri qal li żewġ rekluti ma temmewx ir-reklutaġġ tagħhom matul l-aħħar reklutaġġ li ntemm fit-22 t’April. Huwa qal li r-reklutaġġ mas-Servizzi Korrettivi jservi mhux biss biex jgħallem lin-nies li ġejjin minn barra l-ambjent ta’ dixxiplina tax-xogħol delikat tal-ħabs, iżda jservi wkoll biex jiġu magħżula l-aħjar elementi biex iservu ġewwa istituzzjoni li tirrikjedi serjetà assoluta. Żied li hija prassi normali li xi rekluti ma jtemmux dan ir-reklutaġġ.

Il-Ministru kien qed iwieġeb għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Parlamentari Jason Azzopardi.

Id-Deputat Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru biex jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat ġiet imkeċċija jew għaddejjin proċeduri interni jew simili kontra mara li kienet rekluta bħala uffiċċjal korrettiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Staqsa li jekk dan huwa minnu x’sustanzi nstabu fuq din il-mara. Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri ma ta l-ebda tweġiba dwar dan.