126 japplikaw għall-MATSEC b’arranġament speċjali

Fl-eżmijiet tal-MATSEC li saru matul is-sena li għaddiet kien hemm 126 student li talbu li jagħmlu l-eżamijiet “b’arranġament speċjali”.
115 għamlu l-eżamijiet b’arranġament speċjali fl-ewwel sessjoni filwaqt li 11-il student kellu din il-faċiltà fit-tieni sessjoni.
It-talbiet għall-arranġamenti speċjali jiġu pproċessati mill-Access Disability Support Committee fl-Università ta’ Malta li jivverifika t-talbiet li jsiru mill-applikanti u mill-professjonisti. L-istudenti kellhom jimlew formola speċjali disponibbli biex titniżżel mill-websajt tal-MATSEC.
Ir-rapport maħruġ mill-uffiċċju tal-MATSEC jagħti dettalji dwar is-sessjonijiet li saru s-sena l-oħra, dik ta’ Mejju li fiha applikaw 4,019 u dik ta’ Settembru li għaliha applikaw 2,754.
B’kollox kien hemm 5,185 student li applikaw biex jagħmlu l-eżamijiet tal-Matrikola. L-eżamijiet tal-Matrikola jinkludu 37 suġġett offruti fil-livell Intermedju jew Avvanzat.
Fl-ewwel sessjoni, l-akbar numru ta' studenti li poġġew għall-eżamijiet f’livell Avvanzat u dan Intermedju kienu mwielda fl-1999, iġifieri għalqu 18-il sena matul is-sena li għaddiet.
L-ogħla persentaġġ ta’ suċċess mill-2004
Il-MATSEC qalet li fl-eżamijiet tas-sena li għaddiet ġiet irreġistrata l-ogħla rata ta’ suċċess f’termini perċentwali mill-2004 ‘l hawn. 29.8% ta’ dawk li għamlu l-eżamijiet is-sena l-oħra ġabu ċ-ċertifikat tal-Matrikola li bih, l-istudenti jikkwalifikaw biex jidħlu l-Università. 23.9% tas-subien u 35.8% tal-bniet li għamlu dawn l-eżamijiet ikkwalifikaw għall-Università.
Is-sessjoni ta’ Settembru tintuża mill-istudenti biex “jeħilsu mis-suġġetti”
Ir-rapport tal-MATSEC jikkonferma li t-tieni sessjoni, dik ta’ Settembru, qed tintuża mill-istudenti tal-ewwel sena fi skejjel post-sekondarji biex “jeħilsu” mill-eżamijiet fl-ewwel sena.
Dan minħabba li għall-eżamijiet intermedjarji kien hemm aktar studenti ta’ 17-il sena milli ta’ 18.
Għall-eżamijiet tas-SEC, il-MATSEC qalet li 68.4% tal-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja jirnexxielhom jiksbu r-rekwiżiti, filwaqt li għall-istudenti tal-iskejjel tal-Gvern dan il-persentaġġ huwa ta’ 37.3%