125,000 persuna aċċessaw is-servizzi tal-gvern mill-internet

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, ħabbar kif 125,000 persuna aċċessaw is-sevizzi tal-gvern mill-internet fiż-żmien il-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija ġie spjegat li n-numri li qed jitkellem dwarhom huma prova li l-istrutturi mħejjija mill-gvern qed jaħdmu tajjeb, anke taħt pressjoni. Cutajar ta rendikont tar-riżultati miksuba minn servizz.gov waqt il-pandemija. Hu qal li f’xahar wieħed biss, fuq il-freephone 153, twieġbu 93,000 telefonata li żewġ terzi minnhom ma kinux marbuta mal-coronavirus. Qal li dan minkejja li servizz.gov naqqas l-aġenti tiegħu minn fuq il-153 biex ikun jista’ jgħin fit-teħid tat-telefonati tal-111. Intant, qal li servizz.gov ra wkoll żieda ta’ 32% fl-aċċess tas-sit elettroniku tiegħu, fejn mal-125,000 ruħ aċċessaw is-servizzi tal-gvern fejn hemm ipprovduti aktar minn elf servizz governattiv.

 Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, Winston Pirotta, li ta dettalji dwar l-operat tal-Freephone 153. Is-Sur Pirotta qal li bħala medja, servizz.gov ikollu 86 aġent iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku. 

Hu qal li dwar il-Covid-19, l-iktar mistoqsijiet komuni kienu dwar il-benefiċċju tal-ġenituri, fejn servizz.gov irċieva 5,042 telefonata. Isegwu mistoqsijiet dwar il-benefiċċji addizzjonali tad-diżimpjieg u dawk dwar benefiċċji mediċi. Bħala mistoqsijiet mhux relatati mal-Covid-19, f’xahar kien hemm 19,528 telefonata dwar sigurtà soċjali, u 14,362 telefonata dwar taxxa, fost oħrajn.

Huwa qal ukoll li l-paġna ta’ servizz.gov fuq Facebook ġiet attrezzata b’chatbot bl-Ingliż li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jiġu mwieġba mistoqsijiet relatati mal-Covid-19.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn