Filmat: 125 infermier ġdid fis-servizz tas-saħħa pubblika

Is-servizz tas-saħħa pubblika kompla jissaħħaħ b’125 infermier din is-sena, is-sena ddedikata għall-infermiera u l-qwiebel.

Din hija l-ewwel sena li ssieħbu fis-servizz tas-saħħa infermiera li ggradwaw mill-Università ta’ Northumbria. 17-il infermier iggradwaw mill-Università ta’ Northumbria, filwaqt li 108 iggradwaw mill-Università ta’ Malta.

Waqt żjara lil uħud minn dawn l-infermiera ġodda fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne awguralhom suċċess f’ din il-karriera.

Hu fakkar kif matul ix-xhur tal-pandemija, il-Gvern żied in-numru ta’ swali, ta’ sodod u ta’ faċilitajiet oħra biex is-sistema tas-saħħa tkun kapaċi tlaħħaq mal-kura tal-pażjenti bil-Covid-19 fl-istess ħin li tkompli toffri servizzi essenzjali lill-pazjenti l-oħra u li biex dan kien possibbli kien neċessarju wkoll żieda fin-numru ta’ professjonisti tas-saħħa, fosthom l-infermiera.

Mill-2018 ’l hawn iggradwaw 442 infermier biex b’kollox f’Malta hawn ’il fuq minn 3,900 infermier joffru s-servizzi tagħhom f’oqsma diversi tas-saħħa.

It-tobba l-ġodda fis-saħħa pubblika
Filmat: 115-il tabib ġdid fis-saħħa pubblika