121 b’multa ta’ €100

Il-Gvern qal li 121 ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed wara li nstabu fi gruppi ta’ aktar minn tliet persuni.

Fl-aġġornament ta’ kuljum dwar il-pandemija, il-Gvern ħabbar li ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fil-5,430 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Il-Gvern spjega li s’issa saru 359 test fiċ-ċentru ta’ Ħal Far u li ilu ma jkun hemm każ pożittiv mill-20 ta’ April. Qal li dan kien frott il-miżuri li ttieħdu fosthom il-kwarantina. S’issa Malta kellha total ta’ 450 każ ta’ COVID-19 li minnhom 160 għadhom attivi.

Illum il-Professur Charmaine Gauci qalet li għal xi jiem f’Malta kien hemm żieda fin-numru ta’ imwiet meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Dawk in-nies li jridu li jiġu ttestjati għall-coronavirus jistgħu jagħmlu appuntament billi jċemplu l-111 anke jekk ma jkollhomx sintomi.

Malta reġistrat 2 każi ġodda ta’ coronavirus illum. Fiequ wkoll erba’ persuni ġodda.

Il-PM iżur il-bażi tal-Iskwadra Marittima tal-AFM

Facebook – Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, dalgħodu żar il-bażi tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’Xatt it-Tiben.

Mal-wasla tiegħu fil-bażi, il-Prim Ministru sellem u rringrazzja lill-uffiċjali kollha preżenti tax-xogħol tagħhom. Qal li dawn l-individwi qegħdin jissograw ħajjithom kull darba li joħorġu fuq il-baħar lil hinn minn xtutna u bejn sema u ilma.

Wara l-indirizz, il-Brigadier Jeffrey Curmi dawwar lill-Prim Ministru f’diversi żoni differenti tal-bażi marittima.

Il-Prim Ministru flimkien, mal-Ministru Camilleri, telgħu abbord għadd ta’ opri tal-baħar li fost oħrajn jintużaw mis-suldati għal operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.

Iż-żjara ta’ Abela saret ġurnata wara li qal li l-AFM kienet ipparalizzata minħabba l-inkjesta li qed issir fuq talba tal-għaqda Repubblika.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-bażi tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’Xatt it-Tiben

Il-Prim Ministru Robert Abela rikonoxxenti għall-ħidma tal-Iskwadra Marittima ⚓tal-Forzi Armati ta’ Malta. 🇲🇹Dawn is-suldati qegħdin jissograw ħajjithom kull darba li jkunu 'l barra minn xtutna; bejn sema u ilma jipproteġu lil pajjiżna.Għandna nkunu grati immens lejhom.Byron Camilleri I Armed Forces of Malta (AFM)

Posted by MaltaGov on Monday, April 27, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn