1,200 spezzjoni u 46 ċitazzjoni fil-limiti tal-Mellieħa

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li bejn l-1 ta’ Jannar tal-2019 u l-21 ta’ April tal-2020 saru mal-1,200 spezzjoni f’żoni fil-limiti tal-Mellieħa li wasslu sabiex jinħarġu mas-46 ċitazzjoni.

Hu kien qed iwieġeb żewġ mistoqsijiet parlamentari tal-MP Robert Cutajar dwar spezzjonijiet u ċitazzjonijiet mill-Pulizija fiż-żoni tal-Miżieb, l-Aħrax tal-Mellieħa, il-Park tal-Majjistral u Selmun/Imġiebaħ.

Il-Ministru Camilleri qal li l-ispezzjonijiet fiż-żoni msemmija jsiru kontinwament mill-Pulizija tal-RIU peress li dawn iż-żoni huma fir-rotta tar-ronda tagħhom. Qal li barra minn dan, spezzjonijiet isiru wkoll mill-pulizija tad-Distrett u dawk tal-ALE fl-istess żoni. F’dan il-perjodu ġew reġistrati 310 spezzjoni fil-Miżieb, 302 spezzjonijiet fl-Aħrax tal-Mellieħa, 290 spezzjoni fil-Park tal-Majjistral u 290 spezzjoni f’Selmun/Imġiebaħ.

Qal ukoll li jinsab infurmat li fiż-żoni msemmija, minbarra dawk tal-Miżieb u l-Park tal-Majjistral, isiru spezzjonijiet regolari mill-Uffiċjali tal-Aġenzija LESA.

Rigward iċ-ċitazzjonijiet maħruġa, il-Ministru Camilleri qal li fil-perjodu indikat, fiż-żoni tal-Miżieb ingħataw żewġ ċitazzjonijiet, fiż-żona tal-Aħrax ingħataw żewġt ċitazzjonijiet, fil-Park tal-Majjistral ma ngħatat l-ebda ċitazzjoni u fiż-żona ta’ Selmun/Imġiebaħ ingħataw erbgħa ċitazzjonijiet. Intant, il-LESA tat 34 ċitazzjoni fl-Aħrax u erba’ ċitazzjonijiet fiż-żona ta’ Selmun/Imġiebaħ. Fil-Miżieb u fil-Park tal-Majjistral ma ngħatat l-ebda ċitazzjoni.