Ritratti: 110 persuni jgħixu minflok il-baqar; jagħlqulu r-razzett

 

L-Awtorità tal-Ippjanar dalgħodu għalqet razzett f’Ħal Qormi, wara li fih instab li kienu qed jgħixu madwar 110 ħaddiem barrani, b’mod abbużiv.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dalgħodu d-Direttorat tal-Infurzar flimkien mal-Pulizija marru fir-razzett fi Sqaq Awżara, limiti ta’ Ħal Qormi. Żiedet tgħid li dan ir-razzett inbidel f’akkomodazzjoni għal dawn il-persuni li kienu qed ifittxu postijiet irħas. L-Awtorità sabet li l-kmamar kollha ma kellhomx faċilitajiet bażiċi jew privatezza, filwaqt li kienu qed jgħixu fihom aktar nies milli suppost.  Irrimarkat ukoll li l-faċilitajiet sanitarji kienu ta’ periklu għas-saħħa ta’ dawk li jużawhom.

Uffiċjali tal-Awtorità se jkunu qed jissorveljaw is-sit biex jiġi assigurat li l-użu tar-razzett jibqa’ dak skont il-permess.

Il-barranin kienu qed jgħixu fi stalel tal-baqar,  f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna, xejn rispettabbli għall-bniedem.  Huma se jitħallew isibu post alternattiv fejn jgħixu, hekk kif insistew li jinsabu Malta b’mod legali.  Skont rapporti fil-midja, il-parti l-kbira tal-persuni huma mill-Italja.