12% tal-istudenti tal-Form 5 ħadu sustanzi illeċiti

Skont studju Ewropew dwar l-alkoħol u drogi, 92% tal-istudenti Maltin tal-ħames sena sekondarja ħadu l-alkoħol, madwar 14% użaw inhalants u madwar 12% ħadu sustanzi illeċiti.

Waqt li kienet qed tindirizza seminar organizzat miċ-Ċentru Ewropew ta’ Moniteraġġ dwar id-droga u l-vizzju tad-droga, il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca qalet li minbarra effetti fiżiċi u psikoloġiċi fuq il-persuni li jikkunsmawhom, dawn is-sustanzi jħallu wkoll impatt fuq il-familja u s-soċjetà.

Sostniet li programmi effettivi ta’ prevenzjoni jistgħu jassistu fit-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi u ħsara relatata, filwaqt li jippromwovu komunitajiet aktar siguri.

Il-Ministru Coleiro Preca qalet li bħalissa l-Gvern qed isawwar politika dwar programmi mal-ġenituri f’dan ir-rigward.

Żiedet tgħid li l-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkoħol u Dipendenzi oħra qiegħda wkoll taġġorna l-Politika Nazzjonali dwar id-Droga.