12-il Youth Worker jingħataw il-warrant

Hekk kif mill-2014 il-youth work sar jitqies bħala professjoni, ingħataw il-warrant 12-il youth worker ġdid.

Dan intqal fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ. Waqt l-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima aċċenna għall-fatt li l-youth workers jagħmlu ħidma imprezzabbli maż-żgħażagħ u ħafna drabi jmorru barra minn triqithom sabiex jaqdu dmirhom.

Spjega li l-Youth Workers jappoġġjaw liż-żgħażagħ fil-komunitajiet inkluż is-settur tal-volontarjat sabiex jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom u jindirizzaw l-isfidi tal-ħajja b’mod kritiku u kreattiv biex iġġib bidla soċjali.

Il-warrant qed jiżgura l-istandards tax-xogħol maż-żgħażagħ kif ukoll jara li jkun hemm żvilupp kontinwu għal dawk li jinsabu fil-pussess tiegħu. Qed jinżamm ukoll reġistru uffiċjali tal-ħaddiema kollha taż-żgħażagħ reġistrati u l-uffiċjali ta’ kull assoċjazzjoni u soċjetà li taħdem maż-żgħażagħ. Intqal ukoll li se tkun investigata kull allegazzjoni ta’ imġieba ħażina, negliġenza serja jew inkompetenza mill-youth workers sabiex jitħarsu aktar iż-żgħażagħ, speċjalment dawk vulnerabbli.