12-il suldat fi 13-il sena jitressqu l-Qorti dwar droga

12-il membru tal-Forzi Armati ta’ Malta tressqu l-Qorti bejn l-1999 u l-2012 b’akkużi relatati ma’ droga.
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal dan fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Il-parti l-kbira tal-akkużi kienu jitrattaw pussess ta’ droga, fosthom ta’ droga eroina, reżina tal-kannabis u pilloli tal-ecstasy. 4 mit-12-il membru kellhom akkużi b’rabta ma’ traffikar ta’ droga kokaina.
10 mill-akkużati tneħħew mill-korp, waqt li f’każ wieħed hemm appell. Gunner, li nstab fil-pussess ta’ eroina, ngħata twissija uffiċjali mill-korp.
Bi tweġiba għal Mistoqsija separata dwar impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u droga, il-Ministru tal-Intern wieġeb li minn 188 test li saru fuqhom fl-aħħar sentejn, żewġ uffiċjali biss instabu pożittivi għad-droga. Anke f’dan il-każ, ittieħdu passi bil-Qorti kontra tagħhom.