12-il stabbiliment jiksru l-protokolli

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) qalet li 12-il stabbiliment instabu li qed jiksru l-protokolli u se jaffaċċjaw azzjonijiet legali.

Fi stqarrija l-MTA qalet li fl-aħħar ġimgħa saru aktar minn 500 spezzjoni fi stabbilimenti verji u f’attivitajiet organizzati. Dawn kienu jinkludu tiġijiet u attivitajiet sportivi u kulturali. Fost dawn ir-regoli hemm li ma jistax ikun hemm aktar minn 10 persuni ma’ mejda ġo restorant minħabba l-imxija tal-coronavirus.

L-MTA qalet ukoll li l-ispezzjonijiet saru wkoll fi klabbs anke jekk il-liċenzja tagħhom ma tinħariġx direttament mill-awtorità. Qalet li l-ispezzjoni ssir biss fuq ġewwa tal-istabilliment.

Wieħed jista’ jirrapporta ksur ta’ dawn ir-regoli dwar it-turiżmu fuq 21692447 jew b’email fuq tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.

Bil-miżuri mħabbrin ħmistax ilu dwar l-attivitajiet tal-massa, u dawk li tħabbru fl-aħħar sigħat, jidher li ma jistax ikun hemm gruppi ta’ 10 persuni f’postijiet pubbliċi bħar-ristoranti u anke l-klabbs jew f’attivitajiet tal-massa bħal tiġijiet.