12-il siġġu iktar għan-nisa jekk ma jlaħħqux l-40% tal-Parlament

Read in English.

Fil-ftuħ tal-Parlament wara l-btajjel tal-Milied, il-Prim Ministru Robert Abela ressaq għat-tieni qari emendi kostituzzjonali li jemendaw il-liġi elettorali.

F’dak li ddeskrivieh bħala ‘jum storiku ieħor għall-pajjiż’, Abela spjega li f’każ li n-nisa jiksbu inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari, jiskatta proċess li permezz tiegħu jiżdiedu 12-il siġġu għal kandidati nisa li jkunu ġew eletti.

Abela qal li għal darb’oħra huwa l-Partit Laburista li qed jerġa’ jkun katalist biex jimbotta ‘l quddiem il-mara fil-ħajja pubblika, wara li fl-1947 kien l-istess partit li taha d-dritt għall-vot.

Huwa qal li kien il-Partit Laburista wkoll li ppropona l-isem ta’ żewġ nisa biex isiru President ta’ Malta. Stqarr li n-nisa dejjem kienu sinonimu ta’ tmexxija tajba. Abela saħaq li l-Gvern ħadem biex jelimina d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq kuntratti pubbliċi, fejn il-mara riedet tgħaddi ċerti dettalji li ma kinux rikjesti mir-raġel.

26 deputata biss eletta fl-istorja tal-Parlament Malti

Min-naħa tagħha, il-membru parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ stqarret li n-nisa fil-Parlament mhux qegħdin hemm biss għax sempliċement huma nisa. Hija stqarret li minħabba l-passat tagħha bħala kantanta, spiċċat fil-mira ta’ attakki ta’ tgħajjir. Madanakollu, spjegat li dawn ma ħallithomx itellfuha minn xogħolha. Hi rringrazzjat lill-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil li kien hu li nnominaha bħala Deputat Speaker.

Hi qalet li fl-istorja tal-Parlament Malti hemm biss 26 deputata eletta. Illum, il-Gvern għandu 11% tad-deputati nisa filwaqt li l-Oppożizzjoni għandha 17%.  Buttiġieġ qalet li din il-liġi waħidha mhux biżżejjed għaliex hemm diversi liġijiet li għadhom jiddiskriminaw kontra n-nisa.