“12-il sena wara għadna nittamaw li nsibuha” – il-familja ta’ Madeleine McCann

Omm Madeline McCann Kate dehret imbikkma f’laqgħa ta’ qalb li saret fit-12-il sena anniversarju minn meta t-tifla Ingliża sparixxiet fil-Portugall.

Il-qraba u l-ħbieb tal-familja McCann kienu preżenti f’din il-laqgħa ta’ talb ilbieraħ filgħaxija fil-villaġġ tal-familja, Rothley f’Lecestershire, biex jagħtu s-sapport tagħhom lil Kate, li attendiet laqgħa bħal din mingħajr żewġha Gerry għall-ewwel darba. Missier it-tifla ma setax ikun preżenti peress li kien qiegħed l-Italja fuq xogħol. Magħha kien hemm uliedha tewmin Sean u Amelie. Iz-ziju tat-tifla qal li l-familja għadha tittama li t-tifla tinstab, 12-il sena wara.

It-tifla għebet fit-3 ta’ Mejju tal-2006 fi Praia de Luz fil-Portugall. Il-familja kienet hemm fuq btala. Madeleine kellha 4 snin, u tagħlaq 16-il sena dan ix-xahar.

Il-Pulizija Portugiża żvelat li jaf qorbu biex jaqbdu raġel suspettat li ħataf lil Madeleine. Madankollu, iz-ziju tat-tifla rrifjuta li jagħti kummenti lill-midja dwar l-investigazzjoni u qal li huma grati li l-pulizija għadhom ifittxu, u dan il-fatt iqawwilhom qalbhom.

Tfal li attendew il-laqgħa, fosthom ħut Madeleine, xegħlu x-xemgħat għaliha u għal tfal oħra mitlubin. Nota li kien hemm ħdejn xemgħa minnhom kellha miktub: “Madeleine, 12 years on we are still hoping and praying for that special day xx.”

Fuq is-sit elettroniku tal-kampanja biex tinstab it-tifla, il-ġenituri tagħha kitbu li reġa’ dak iż-żmien tas-sena. Qalu li jixtiequ li jaqbżu dan ix-xahar ħalli jgħaddi dan il-perjodu diffiċli, imma għandhom qalbhom qawwija li binthom għad tinstab.

L-għajbien tat-tifla Ingliża reġa’ beda jiġi diskuss peress li l-kumpanija Netflix ħarġet dokumentarju dwaru, li qajjem ftit dubji fil-kredibbiltà tal-pulizija li qegħdin iwettqu t-tfittxija.