12-il sena mill-mewt ta’ Ġemma Portelli

Kien bħal lum 12-il sena li l-attriċi Ġemma Portelli mietet fl-età ta’ 75 sena. Bla dubju li isimha jibqa’ assoċjat mal-karattru ta’ Ġoma li hija nterpretat fis-sensiela F’Baħar Wieħed, l-ewwel fi produzzjoni fuq ir-radju u aktar tard bħala serje fuq Television Malta. Fil-bidu tas-Snin 2000 reġgħet interpretat din il-parti fir-remake li kien ipproduċa l-istazzjon Net.

Hija ħadmet ukoll dan il-karattru kemm-il darba fuq il-palk.

Tul is-snin ħadmet għadd ta’ partijiet oħra u wkoll kienet tifforma parti minn kumpaniji teatrali bħal Radju Muskettieri u Blue Birds.

Flimkien ma’ żewġha Paul kienet ittella’ bosta sketches li kienu ferm popolari mal-udjenzi Maltin. Hu miet fil-29 ta’ Jannar 2001 u minn dak iż-żmien jingħad li saħħet l-attriċi kienet bdiet sejra lura.

Il-kast tal-ewwel teleserial bil-Malti F’Baħar Wieħed b’Ġemma Portelli fil-parti ta’ Ġoma

Fis-sena 2000 Ġemma Portelli ġiet onorata bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika u fl-2007, ftit xhur qabel ma’ mietet ġiet rikonoxxuta bl-unur Charles Arrigo Lifetime Achievement Award waqt il-Malta Television Awards.

Fost l-aħħar xogħlijiet tagħha insibu Anġli fuq l-istazzjon Net fejn kienet interpretat lin-nanna Jane, Shelly Rayner fuq l-istazzjon One u l-aħħar serje li ħadmet kienet proprju Ta’ Ħorrox Borrox li kienet ixxandret fuq l-istazzjon Net.

Jgħaddu kemm jgħaddu snin, Ġemma Portelli tibqa’ meqjusa bħala waħda mill-pilastri li qatt kellu pajjiżna fil-qasam teatrali.