12-il sena mill-attakki fuq il-World Trade Centre

Illum l-Istati Uniti tfakkar it-12-il anniversarju mill-attakk terroristiku fuq iż-żewġ binjiet tal-World Trade Centre fil-qalba ta’ New York.

Dakinhar, grupp ta’ 19-il terrorist tal-al-Qaeda ħatfu bejniethom erba’ ajruplani tal-passiġġieri. Tnejn minn dawn ittajjru għal ġol- World Trade Centre, it-tielet ajruplan laqat il-bini tal-Pentagon u r-raba’ wieħed krexxja u waqa’ f’għalqa f’Pennsylvania.

Dawn l-attakki suwiċida b’kollox ħallew mat-3,000 persuna mejta.

Ħafna nies għadhom jiftakru x-xeni tal-biża ta’ meta seħħ dan l-attakk. L-ajruplani deħlin fil-bini, nies u ħaddiema jaqbżu mill-bini għoli u finalment, il-waqa’ taż-żewġ binjiet u d-daħna skura tiela mat-terrapin u l-ġebel mwaqqa’.

Il-bini tal-World Trade Centre kien fih 110 sulari. Il-Boeing 767 tal-American Airlines, b’20,000 gallun ta’ fjuwil, baqa’ dieħel fit-80 sular. 18-il minuta wara, ajruplan simili daħal fis-60 sular tal-binja l-oħra tal-World Trade Centre.

Il-finanzjament tal-attakk kien sar minn Osama Bin Laden, terrorist tal-al-Qaeda. Fit-2 ta’ Mejju tal-2011, wara 10 snin ta’ tfittxija, l-Armata Amerikana qatlet lill-istess Bin Laden. Huwa kien instab maħrub fil-Pakistan.

Hemm relazzjoni bejn l-attakki tal-11 ta’ Settembru u l-Assedju l-Kbir f’Malta?

Walid Shoebat, eks membru tal-Fratellanza Musulmana u llum attivist tal-paċi, f’artiklu jgħid li hemm relazzjoni bejn l-Assedju l-Kbir f’Malta u l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru.

F’artiklu online, Shoebat jikteb hekk: “Filwaqt li l-Istati Uniti tibki fl-Anniversarju tal-11 ta’ Settembru, Malta tiċċelebra.”

L-awtur jispjega kif fl-istess jiem f’Settembru, il-Maltin jiċċelebraw ir-rebħa fuq l-attakk tal-Imperu Ottoman lura fl-1565. B’hekk l-awtur jagħmel konnessjoni bejn it-telfa tal-Musulmani f’Malta, u l-attakki ta’ estremisti Musulmani fuq l-Amerikani.

Shoebat jgħid li kien għalhekk li l-estremisti Musulmani għażlu li jagħmlu l-attakk suwiċida f’data tant qrib għat-8 ta’ Settembru.

Skont Walid Shoebat, dawn l-attakki it-tnejn saru mill-Musulmani. Id-differenza hija li minħabba li l-Assedju l-Kbir tniżżel fl-istorja bħala reħba għal-Kristjaneżmu, grazzi għall-fidi tal-Maltin, l-attakk fuq l-Amerka tniżżel fl-istorja bħala telfa.