12-il sena jistenna biex tinqata’ s-sentenza fil-Qorti

Arkivji

Raġel li kien inqabad bid-droga għamel 12-il sena jistenna sabiex il-Qorti Kriminali tieħu deċiżjoni dwar il-każ tiegħu.
B’riżultat ta’ dan il-Qorti Ċivili ħallset lir-raġel €4,000 f’kumpens wara li nstab li d-dewmien fil-każ tiegħu kien qed imur kontra d-dritt għal smigħ ġust.
L-akkużat kien ġie arrestat fl-2004 wara li nqabad bid-droga. Is-smigħ tal-kawża tiegħu beda fl-2007 u tressaq għall-ewwel darba quddiem il-maġistrat fl-2008.
Wara disa’ snin mill-bidu tas-smigħ, fl-2016, il-Qorti qatgħet is-sentenza kontrih fejn kien instab ħati li kien fil-pussess tal-kannabis, it-traffikar tagħha u li wettaq reat f’post li kien inqas minn 100 metru ta’ żona frekwentata minn żgħażagħ.
Total ta’ 12-il sena kienu laħqu għaddew wara l-arrest tiegħu u għaldaqstant talab lill-Qorti Ċivili biex tirrikonoxxi li kien hemm ksur tad-drittijiet tiegħu u għalhekk kellu jiġi kkumpensat.
Il-Qorti Ċivili pperseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon iddeċidiet li d-dewmien min-naħa tal-Qorti ma kienx iġġustifikat u ma kellux raġuni valida.