12-il persuna mejta u pushback sigriet lejn il-Libja – NGOs

L-għaqdiet mhux governattivi barranin Alarm Phone, Mediterranea u Sea Eye qalu li l-ħtija għall-mewt ta’ 12-il persuna fl-ibħra Mediterranji huwa tal-awtoritajiet Maltin, Taljani, Libjani, Portugiżi u Ġermaniżi, kif ukoll tal-Frontex, li kienu infurmati fuq il-grupp t’immigranti bejn sema u ilma imma għażlu li jħallu lil 12 minnhom imutu bil-għatx u billi għerqu. Lill-oħrajn ħallewhom imutu, stqarrew l-NGOs.

Fi stqarrija konġunta, l-NGOs qalu li għall-kuntrarju ta’ li qalet Malta, id-dgħajsa nqalbet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, qrib Lampeduża. Huma sostnew li l-awtoritajiet użaw il-coronavirus bħala skuża sabiex dawn il-ħajjiet ma jissalvawx. Insistew li l-awtoritajiet kollha għandhom responsabbiltà għal dawn l-imwiet u għal din is-sofferenza, imma l-ikbar responsabbiltà hi tal-Forzi Armati ta’ Malta.

L-għaqdiet fiehmu li huma għamlu l-almu tagħhom biex isalvaw lil dawn in-nies maħrubin, iżda ma rnexxilhomx għax l-awtoritajiet riedu jħalluhom ibatu. Il-51 persuna li salvaw intbagħtu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni Tarik Al Sikka fi Tripli.

Illum l-NGO Repubblika llum daħħlet żewġ denunzji għand il-Kummissarju tal-Pulizija wara allegazzjonijiet li qalu li patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta poġġiet ħajjet grupp ta’ immigranti f’periklu fuq il-baħar.

Għaldaqstant, huma ppubblikaw rapport b’kif żvolġa l-każ, ġurnata b’ġurnata.

Il-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 t’April: 55 persuna (aktar tard ġie kkonfermat li kienu 63), fosthom seba’ nisa u tlett itfal, ħarbu mil-Libja fuq dgħajsa tal-lastku

Il-Ġimgħa 10 t’April: Frontex lemħet tliet dgħajjes bin-nies abbord fiż-żona ta’ salvataġġ Libjana. Ġew infurmati l-awtoritajiet ta’ salvataġġ Taljani, Maltin, Libjani u Tuneżini.

Il-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 t’April: L-immigranti kkuntattjaw lil Alarm Phone, għall-għajnuna. Tawhom il-pożizzjoni eżatta tagħhom u Alarm Phone infurmat lill-awtoritajiet Maltin, Taljani u Libjani, filwaqt li ppruvat iżżomm kuntatt mal-immigranti.

Is-Sibt 11 t’April: L-awtoritajiet Libjani qalu lil Alarm Phone li ma jistgħux isalvaw lill-immigranti minħabba l-coronavirus, imma qegħdin f’kuntatt mal-Italja u Malta. Alarm Phone baqgħet tinforma lil dawn il-pajjiżi bil-pożizzjoni tad-dgħajjes, imma l-awtoritajiet irrifjutaw li jsalvawhom.

Il-Ħadd 12 t’April: Il-pożizzjoni li rċeviet Alarm Phone filgħodu indikat li d-dgħajsa f’diffikultà kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Waranofsinhar reġgħu talbu għall-għajnuna, iżda mbagħad Alarm Phone tilfet il-kuntatt magħhom.

It-Tnejn 13 t’April: Alarm Phone kienu ilhom 36 siegħa li tilfu l-kuntatt minn mal-immigranti. L-awtoritajiet Maltin u Taljani ssorveljaw is-sitwazzjoni mill-ajru. Id-dgħajsa reġgħet intlemħet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija f’11.45pm.

It-Tlieta 14 t’April: Ftit wara nofsillejl, Malta bagħtet messaġġ navali lid-dgħajjes kollha fiż-żona biex jgħinu lid-dgħajsa jekk jilmħuha. Il-messaġġ qal li Malta ma tistax tipprovdi post sigur.

Ftit wara, il-vapur tal-merkanzija IVAN waqaf mil ‘il bogħod mid-dgħajsa, u Malta ordnatu jibqa’ hemmhekk sabiex jissorvelja lid-dgħajsa sakemm jasal it-tim ta’ salvataġġ. Minħabba l-mewġ għoli u l-kundizzjonijiet, IVAN ma rnexxilux isalva lin-nies, u Malta ma talbithiex tagħmel dan. Ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta kien fuq il-post jagħti l-istruzzjonijiet lill-vapur IVAN.

Skont dak li qalu dawk li salvaw, tliet persuni abbord id-dgħajsa tal-immigranti qabżu l-baħar biex jilħqu l-vapur IVAN u għerqu. Erbgħa oħra qabżu fil-baħar bid-disprament. Huma rrakkuntaw, “Bdejna ngħajtu għall-għajnuna u nagħmlu s-sinjali. Tliet persuni ppruvaw jgħumu lejn il-vapur hu u riesaq ‘l hemm. Għerqu. Għamilna s-sinjali lill-ajruplan bil-mowbajls, u għollejna t-tarbija ‘l fuq biex nuru li konna f’diffikultà. Tal-ajruplan rawna żgur għax xegħlulna bozza ħamra. Ftit wara tfaċċat dgħajsa minn imkien u ġabritna hi.”

Fil-5am, dgħajsa tas-sajd u dgħajsa oħra tfaċċaw u ħadu lil dawk li salvaw abbord bil-kordinazzjoni tal-Forzi Armati. Il-vapur IVAN tħalla jitlaq. It-Tlieta filgħaxija, l-awtoritajiet Maltin qalu lil Alarm Phone li ma kienx hemm iżjed każijiet ta’ salvataġġ fiż-żona, u ma tawx dettalji fuq id-dgħajsa inkwistjoni. L-awtoritajiet Taljani, skont Alarm Phone, ma kinux konxji ta’ dik li huma sejħu l-“pushback sigrieta,” peress li organizzaw ħafna missjonijiet ta’ sorveljanza mill-ajru t-Tlieta filgħaxija, u kien ta’ xejn.

L-Erbgħa 15 t’April: Alarm Phone rċeviet l-informazzjoni li 56 persuna ntbagħtu lura l-Libja abbord id-dgħajsa tas-sajd. Fosthom, kien hemm il-katavri tal-ħames persuni li mietu tul il-vjaġġ bl-għatx u bil-ġuħ. Seba’ persuni, dawk li qabżu l-baħar, kienu nieqsa. L-immigranti qalu li n-nies abbord id-dgħajsa tas-sajd qalulhom li se jeħduhom l-Ewropa, mhux il-Libja.

L-Erbgħa waranofsinhar, imbagħad, l-awtoritajiet Maltin qalu li kkordinaw din il-ħidma.

L-NGOs sostnew li l-awtoritajiet ma ħadu l-ebda azzjoni għal kważi 72 siegħa ta’ agonija għal dawk li kienu bejn sema u ilma. Dan sar bi ksur tal-Liġi Internazzjonali tal-Baħar, skont l-NGOs.

Huma temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li billi l-Gvern Malti ma rax li l-immigranti jitħallew f’pajjiż sigur, il-Gvern huwa responsabbli li wettaq il-pushback illegali miż-żona ta’ salvataġġ Maltija għal-Libja, bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Ġeneva, tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani u taċ-Ċarter tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali.