12-il NGO jitolbu li jiġu ppreżentati alternattivi għall-mina ta’ Għawdex

Għadd ta' entitajiet jiftħu protest ġudizzjarju kontra Ian Borg

Read in English.

Tnax-il entità non-governattiva fetħu protest ġudizzjarju kontra l-awtoritajiet biex jiġu ppreżentati alternattivi għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

L-entitajiet li ffirmaw il-protest qalu li l-għan tagħhom huwa li jissalvagwardjaw l-ambjent, li jħarsu s-saħħa tan-nies, u li jkun hemm transport sostenibbli. Fost l-oħrajn il-protest, li ntbgħatet kopja tiegħu lill-midja, infetaħ kontra l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg.

L-entitajiet fakkru li f’Diċembru tal-2018 Ian Borg ħabbar li kienet se toħroġ sejħa internazzjonali għall-bini tal-mina. F’Jannar tal-2020, Infrastructure Malta ppubblikat prequalification questionnaire għall-bini tal-mina.

Fil-protest intqal li l-liġi Ewropea tgħid li għandha ssir Stima Ambjentali Strateġika. Din tinkludi rapport dwar l-impatti tas-soluzzjonijiet alternattivi kollha u konsultazzjoni mal-pubbliku meta jkun maħsub li jsir tibdil jew modifikazzjoni lil xi pjan, strateġija, jew programm ta’ żvilupp.

L-entitajiet qalu li Transport Malta kienet ħejjiet żewġ dokumenti ta’ strateġija li jeskludu l-konsiderazzjoni ta’ mina taħt il-baħa bejn Malta u Għawdex. Dawn huma n-National Transport Strategy 2050 u t-Transport Master Plan 2025.

Fil-protest intqal li l-proġett se jiġġenera ammont konsiderevoli ta’ materjal skavat minn qiegħ il-baħar u l-punt ta’ dħul u ħruġ tal-mina. Jintqal ukoll li jekk l-iskart se jintuża’ għal riklamazzjoni tal-art trid issir mill-ġdid Stima Ambjentali Strateġika (Strategic Environment Assessment).

L-għaqdiet talbu għal informazzjoni dwar l-istima ambjentali imma ma rċivewx risposta konvinċenti.

L-entitajiet qalu wkoll li bilfors irid ikun hemm studju dwar x’inhuma l-alternattivi għall-proġett. Spjegaw li trid issir konsultazzjoni biex tintgħażel l-aktar alternattiva sostenibbli. Qalu li f’dan il-każ l-awtoritajiet diġà għażlu l-iskema.

Fil-protest l-entitajiet qed jordnaw lill-awtoritajiet biex jibdew Stima Ambjentali Strateġika u li jgħidu meta se jiġu ppubblikati l-istudji.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat minn Din l-Art Ħelwa, Żminijietna – Leħen ix-Xellug, Ramblers’ Association of Malta, Nature Trust Malta, BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Kamra tal-Periti, Isles of the Left, u l-Bicycle Advocacy Group.

Il-protest ġudizzjarju infetaħ kontra l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, Infrastructure Malta, Transport Malta, u l-Awtorità tal-Ippjanar.

Ilbieraħ il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li għadha ma teżisti l-ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li permezz tagħha wieħed ikun jista’ janalizza l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex titjieb.

Fl-2019, il-Partit Demokratiku qal li l-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex se tintuża’ bħala skuża biex il-poplu jaċċetta r-riklamazzjoni tal-art, il-proċess li tinbena art ġdida fuq il-baħar.

Għawdxin qalu li mhux sew li jiżdiedu l-Maltin f’Għawdex minħabba l-mina biex imbagħad jispiċċaw jidderieġu l-gżira huma. Oħrajn favur il-mina bejn Malta u Għawdex qalu li huwa impossibbli li wieħed ikollu xogħol tajjeb f’Malta imma li jkollu jaqsam bil-vapur.

Il-maġġoranza tal-Għawdxin (46.6%) wieġbu li mina bejn Malta u Għawdex mhux se ġġib magħha żvantaġġi, skont ir-riżultati ta’ kwestjonarju kkummissjonat minn Transport Malta. In-nies li wieġbu għall-mistoqsijiet ma ntgħażlux għall-għarrieda.