12-il Leading Assistant Rescue Officers fil-Protezzjoni Ċivili

12-il membru fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili nħatru Leading Assistant Rescue Officers biex issa dan id-Dipartiment għandu 33 uffiċjal f’din il-kariga.
Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li fil-preżent fil-Protezzjoni Ċivili hemm 180 ħaddiem tat-tifi tan-nar u ssaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol biex ġew ugwali għal korpi dixxiplinati oħra.
Il-membri tal-Protezzjoni Ċivili qed jibbenefikaw ukoll mill-pensjoni tal-irtirar wara 25 sena servizz.
Il-Ministru Abela għamel referenza għar-reklutaġġ tal-volontiera u l-wasla ta’ tagħmir ġdid u lbies protettiv.
Huwa nnota l-preżenza tal-ħaddiema għat-tifi tan-nar u l-ingenji f’Paceville.
Spjega li fiż-żmien li ġej din l-inizjattiva se tiġi żviluppata u matul is-sena d-Dipartiment se jkompli jissaħħaħ bit-tibdil fil-flotta.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili John Rizzo tenna għal tmexxija b’eżempju u appella lill-uffiċjali ġodda biex jieħdu b’serjetà d-doveri tagħhom.
L-aħħar darba li kien hemm ħatriet bħal dawn fil-Protezzjoni Ċivili kien fl-2006.

Ritratt: Ministeru tal-Intern