12-il koppja għandha l-embrijuni ffriżati bħalissa – Fearne

Read in English.

Bħalissa hemm 12-il koppja li għandha l-embrijuni ffriżati skont il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Fearne kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Claudio Grech li staqsa wkoll għal kemm żmien ilhom iffriżati dawn l-embrijuni.

Fearne qal li hemm total ta’ 12-il koppja li għandhom l-embrijuni krijopriservati. Qal li koppja waħda ilhom minn Settembru tal-2018, 10 koppji minn Ottubru tal-2018 u koppja oħra minn Frar tal-2019.

Aqra: 58 tarbija mwielda mill-IVF fl-2018

Intant, matul l-2018, kien hemm t-58 tarbija se twieldu minn ċikli ta’ IVF f’Malta. Dan l-ammont jinkludi ċikli li saru f’Mater Dei u anke fil-privat.

Propju s-sena li għaddiet qamet kontroversja sħiħa dwar l-emendi li l-Gvern ried jgħamel lill-Att dwar l-Embrijuni li filwaqt li kien irċieva appoġġ kbir, kien ukoll suġġett ta’ ħafna kritika.

Aqra: Iffriżar Embrijun: “B’lealtà biss lejn il-Kostituzzjoni”

524 tabib, li jinkludu 98 konsulent u aktar minn 100 tabib tal-familja kienu ffirmaw dikjarazzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni li ġiet ippreżentata lill-Ministru Chris Fearne. Intant l-avukat Tonio Azzopardi kien ressaq protest kostituzzjonali li fih talab lill-qorti tiddikjara li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun 2018 bħala wieħed li qed jikser id-dritt għall-ħajja tal-embrijun.

Aqra: 524 tabib kontra l-iffriżar tal-embrijuni

Aqra: Iffriżar Embrijuni: Avukat bi protest għax l-emendi “kontra l-ħajja”

Il-Gvern kien propona tliet elementi: l-iffriżar tal-embrijuni, l-għoti ta’ gameti (sperma u bajda) u l-kiri tal-ġuf. Fuq l-iffriżar tal-embrijuni, il-liġi kif approvata żiedet l-għadd ta’ embrijuni li jistgħu jkunu ffriżati minn tlieta għal ħamsa. Fuq l-għoti tal-gameti, tfal li jitwieldu b’dan il-metodu issa għandhom id-dritt li jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.