12-il każ ġdid tal-coronavirus; 5 mill-festa u 2 mill-party

Miguela Xuereb

Read in English.

Matul il-jum tal-bieraħ jidher li nstabu total ta’ 12-il każ ta’ coronavirus ġdid fil-pajjiż. Dan l-għadd ma jinkludix l-immigranti li nstabu pożittivi wara li ddaħħlu Malta.

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa kien spjegat li matul il-jum tal-bieraħ saru 1,615-il swab test. Fost dawn il-każi, tnejn jappartjenu għall-cluster marbut mal-party li sar f’San Ġiljan, ħamsa ħarġu pożittivi wara li attendew il-festa ta’ Santa Venera, u l-bqija tal-każi huma sporadiċi.

Fl-istess infografika, il-Ministeru qal li kien hemm 66 mill-immigranti li ddaħħlu Malta nhar it-Tnejn li nstabu pożittivi għall-coronavirus. Ilbieraħ l-għadd kien ta’ 65, jiġifieri issa kien hemm żieda ta’ każ ieħor b’rabta ma’ dan il-cluster.

Filwaqt li l-infografika tgħid li fil-pajjiż issa hawn 46 każ attiv tal-coronavirus, meta wieħed jgħodd l-immigranti li nstabu pożittivi, l-għadd jitla għal 112-il każ pożittiv fil-pajjiż.

S’issa saru total ta’ 123,963 swab tests minn meta feġġ l-ewwel każ.