Aġġornata: 12-il ħaddiem tal-Air Malta “jistgħu jwaqqfu ħesrem l-operat tal-kumpanija”

L-Air Malta serrħet ras in-nies li s-servizzi u t-tijiriet kollha tal-linja nazzjonali tal-ajru qed joperaw b'mod normali.
Fi stqarrija l-MIA qalet li kien hemm xi dewmien f'xi titjiriet għal Londra, iżda dawn ma kinux riżultat tal-azzjonijiet industrijali.
Dan wara li tnax-il ħaddiem tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, se jkunu qed isegwu azzjoni industrijali ordnata mill-Assoċjazzjoni tal-Airline Operations Controller (AAOC).
L-azzjoni industrijali qed issir għax l-AAOC mhux rikonoxxuta bħala unjin li esklussivament tirrapreżenta lil dan il-grupp żgħir tal-ħaddiema li jikkontrollaw l-ajruplani minn meta jmissu mal-art sakemm jħallu l-ajruport.
Fi stqarrija, l-Air Malta ddeskrivit l-azzjoni bħala waħda irresponsabbli u illegali u li tista'  twaqqaf ħesrem l-operat tal-kumpanija.
Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru qalet li lbieraħ waranofsinhar saret laqgħa bejn l-AAOC u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Air Malta fejn il-partijiet iddiskutew il-kwistjoni.
L-Air Malta qed tinsisti li l-kwistjoni għandha tkun solvuta mit-Tribunal Industrijali. Minkejja dan, skont l-istqarrija, l-AAOC trid tkun rikonoxxuta immedjatament.
L-istqarrija tkompli tgħid li aktar kmieni l-Gvern offra li sakemm tingħata d-deċiżjoni mit-Tribunal, il-partijiet fit-tilwima jinżammu infurmati tul il-proċess kollu li għaddej biex l-Air Malta terġa’ tqum fuq saqajha u ma tagħmilx iżjed telf.
Minkejja dan, l-AAOC ħabbret l-azzjoni industrijali u l-Air Malta qalet li se żżommha responsabbli għal għemilha. 
"L-Air Malta qed taqa' għar-rikatt tal-GWU" – AAOC

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li ntqal mil-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-avukat tal-Assoċjazzjoni tal-Airline Operations Controllers (AAOC), Ian Spiteri Bailey, insista li għal kuntrarju ta’ dak li qalet l-Air Malta, din l-Assoċjazzjoni kienet rikonoxxuta skont il-liġi.
L-Assoċjazzjoni spjegat li kienet l-Air Malta, li minħabba l-General Workers Union, qed tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-Assoċjazzjoni kif għamel id-Direttur għar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi (DIER) fis-27 ta’ Ġunju li għadda.
L-istqarrija tispjega li l-GWU qed tibqa’ ssostni li 12-il ħaddiem għadhom irrapreżentati minnha u qed thedded lill-Air Malta li  tieħu azzjoni industrijali hi.
“Huwa evidenti li l-Air Malta, minħabba theddid tal-GWU, qed tirrifjuta li tonora r-rapport tad-DIER u ma tagħtix ir-rikonoxximent lill-AAOC. Tispjega li kemm-il darba rreġistrat tilwima imma qatt ma sar xejn.
L-avukat ikkritika l-kummenti tal-Air Malta, jiġifieri li l-azzjoni tal-AAOC huma estremi, illegali u irresponsabbli u jgħid li huwa inaċċettabbli li jintużaw dawn l-aġġettivi meta unjin qed teżerċita d-dritt tagħha.
“Huwa fil-fatt illegali u irresponsabbli li l-kumpanija qed taqa’ għar-rikatt tal-GWU,” ikompli jisħaq l-avukat.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-AAOC tinsab miftuħa għal soluzzjonijiet iżda iddikjarat li se żżomm id-drittijiet tagħha għax wara laqgħa twila mal-Linja Nazzjonali tal-Ajru, innotat li biex “taġevola lill-GWU l-Air Malta qed tabdika mir-responsabbilità legali tagħha.”
Temmet billi appellat lill-Gvern u lill-Air Malta biex jirrikonoxxu d-drittijiet tagħha.
L-AAOC twaqqfet fil-5 ta’ Ottubru tal-2015. 
"L-azzjonijiet industrijali tal-AAOC illegali" – MEA
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni Maltija ta' Min Iħaddem ikkundannat fi stqarrija d-deċiżjoni tal-AAOC, u sostniet li din tmur kontra n-Notifika Legali 413, li tgħid li ebda unjin oħra ħlief dik rikonoxxuta m'għandha tintervjeni fil-ftehim bejn il-ħaddiema u min iħaddem. Bl-istess mod, ebda ħaddiem ma jista' jitkellem dwar il-ftehim kollettiv ma' unjin oħra ħlief dik uffiċjali.
L-MEA temmen li l-GWU hija l-unjin rikonoxxuta fl-MIA, u ma qablitx mad-Direttur għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali li rrikonoxxa lill-AAOC.
Skont l-assoċjazzjoni, dan tefa' f'riskju li l-MIA tidħol bejn il-basla u qoxritha, b'konfrontazzjonijiet ma' żewġ unjins f'daqqa.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-fatt li l-AAOC għandhom il-maġġoranza tal-ħaddiema tat-taqsima ma jagħtihiex id-dritt li tinnegozja ftehim kolettiv f'isimhom.
"L-azzjoni industrijali ma kkawżat l-ebda dewmien" – Kelliem għall-Air Malta
Kelliem għall-Air Malta kkonferma ma' Newsbook.com.mt li l-ebda titjira ma kienet affetwata mill-azzjoni industrijali.
Mistoqsi dwar jekk kienx hemm dewmien, il-kelliem qal li l-uniku titjiriet li telqu tard kienu dawk lejn Londra minħabba l-kundizzjoni tat-temp.
Spjega li l-akbar traffiku għat-titjiriet ikun filgħodu u kmieni waranofsinhar u għalhekk, ladarba ma kienx hemm dewmien f'dawn il-ħinijiet, mhux mistenni li jkun hemm xi titjira skedata aktar tard li tkun affetwata ħażin.