Read in English.
It-tobba mistennija li mit-Tnejn li ġej inaqqsu s-servizzi tagħhom fl-isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll fiċ-ċentri tas-saħħa.
F’ittra li l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) bagħtet lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa hija telenka 12-il direttiva li mistennija jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu.
Il-MAM appellat ukoll it-tobba membri taħgha biex min irid joffri s-servizzi tiegħu fiċ-ċentri tas-Swabbing u l-Contact Tracing minħabba ż-żieda fid-domanda. Għal dan is-servizz il-MAM qed titlob ħlas regolari għas-sigħat li jkunu nħadmu.
It-12-il direttiva tal-MAM:
F’Mater Dei
- Mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu, jiġu posposti appuntamenti fid-dipartiment tal-Outpatients. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.
- Mill-Erbgħa 5 ta’ Awwissu jiġu posposti l-operazzjonijiet ippjanati. Direttiva li se ddum sat-Tlieta 12 ta’ Awwissu.
- Listi tal-ultrasound posposti mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.
It-tobba li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza huma eżentati mid-direttivi.
Iċ-ċentri tas-Saħħa
- It-42 berġa fil-komunità se jibqgħu magħluqa u l-ebda tabib mhu se jattendi. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.
- Iċ-ċentri tas-saħħa se jkollhom triage desk bis-sehem ta’ tabib il-ħin kollu.
- Każijiet urġenti biss se jiġu ttrattati. Pazjenti b’każijiet li mhux urġenti jiġu mħeġġa biex jipposponu l-appuntament jew iċemplu għall-għajnuna bit-telefown.
- Il-pazjenti kollha b’sintomi tal-Covid-19 u f’qagħda stabbli jkollhom iċemplu l-111 u qabel ma ssirilhom Swab Test ma jiġux invistati.
- It-tobba kollha għandhom jilbsu PPE f’żoni kliniċi.
- L-appuntamenti kollha ma’ konsulenti jiġu posposti jew isiru bit-telefown.
Għawdex
- Mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu jiġu posposti l-appuntamenti kollha tal-Outpatients. Direttiva li se ddum fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa. Tobba fl-Onkoloġija, Psikjatrija, Ġerjatrika u Pedjatrija huma eżentati.
- Il-Bereġ kollha fil-komunità jibqgħu magħluqa.
- Fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex se jiġu ttrattati biss il-każijiet urġenti. Pazjenti b’każijiet li mhux urġenti jiġu mħeġġa biex jipposponu l-appuntament jew iċemplu l-111 u qabel ma ssirilhom Swab Test ma jiġux invistati.
It-tobba u l-psikjatri fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fl-Isptar Monte Karmeli u fl-isptar Karen Grech huma eżentati minn dawn id-direttivi. Huma eżentanti wkoll it-tobba li jaħdmu fis-Saħħa Pubblika u fiċ-ċentri tas-Swabbing.