12-il direttiva għall-għalliema mill-MUT

Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Malta Union of Teachers (MUT) ippubblikat sett ta’ direttivi biex tagħti direzzjoni aktar ċara lill-edukaturi f’diversi sitwazzjonijiet, partikolarment dwar is-saħħa u s-sigurtà kif ukoll dwar diversi kwistjonijiet edukattivi u kundizzjonjiet tax-xogħol li dwarhom m’hemmx qbil.

L-MUT qalet li mill-bidu tagħha ħadmet sabiex fejn huwa possibbli toffri u tiddiskuti soluzzjonijiet qabel tittieħed id-deċiżjoni aħħarija. Żiedet li d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet u ma’ min iħaddem għadhom għaddejjin sabiex fejn jista’ jkun jinstab qbil aċċettabbli għall-membri li bih l-edukazzjoni tkun tista’ tkompli bl-aktar mod responsabbli u ta’ kwalità.

Dawn huma d-direttivi maħruġa mill-Malta Union of Teachers:

  1. Użu tal-maskri/ visors: Kull min huwa obbligat jilbes il-maskra/ visor skont il-protokolli tas-saħħa jrid jilbisha. Kull edukatur għandu dritt joħroġ mill-kamra jekk xi ħadd jirrifjuta li jilbisha u jirraporta skont il-proċeduri tal-iskola. F’każ ta’ student l-edukatur jista’ jiddeċiedi wkoll li dan ma jitħalliex jidħol fil-klassi qabel ma jilbisha.
  2. L-indafa: L-indafa hija waħda mill-aktar prijoritajiet importanti f’din il-pandemija. L-MUT irringrazzjat lil-edukaturi u l-SMT, li tant ħadmu fis-sajf u fl-ewwel jiem tas-sena skolastika sabiex jieħdu ħsieb li l-iskola jkollha biżżejjed riżorsi u li tkun nadifa. L-MUT qalet li kien hemm diversi rapporti ta’ nuqqas ta’ ndafa. L-MUT qed tagħti direzzjoni lill- edukaturi sabiex joħorġu minn klassijiet u kmamar li m’għandhomx standard aċċettabbli ta’ ndafa.
  3. L-indafa 2: Apparti dan, f’każ ta’ persuna li tħossha ma tiflaħx, l-MUT qed tagħti direttiva sabiex ħadd ma jagħmel replacement qabel mal-klassi tiġi mnaddfa skont il-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.
  4. Dħul fl-iskola: Kull edukatur għandu d-direzzjoni li ma jidħolx fil-bini tal-iskola sakemm ma titteħidlux it-temperatura jew jekk ma jsibx sanitizer u riżorsi neċċessarji għall-indafa kif suppost skont il-proċeduri li nħolqu mill-awtoritajiet. Żiedu li huwa inutli li jinħolqu r-regoli fuq il-karta imma mbagħad ma jkunx hemm ir-riżorsi inkluż umani biex dawn jiġu implimentati.
  5. Distanza soċjali: Id-distanza soċjali hija importanti u l-protokolli tas-saħħa jridu jiġu segwiti. Għaldaqstant edukaturi li jiltaqgħu ma sitwazzjonijiet li d-distanza soċjali mhix qed tiġi mħarsa, kemm jekk fil-klassi, staffrooms jew kmamar oħra, għandhom joħorġu, jirrapurtaw minnufih dan il-ksur tal-protokoll u jmorru f’postijiet fejn jistgħu isegwu b’mod adegwat din il-miżura.
  6. Replikazzjoni tax-xogħol: L-MUT saħqet li l-edukatur li qiegħed jagħti l-ġurnata tiegħu l-iskola ma jistax jiġi mġiegħel jerġa’ jibda l-ġurnata online kif jasal id-dar ma’ studenti li m’attendewx fiżikament. L-MUT qalet li mhux se taċċetta li min iħaddem jgħaddi romblu fuq l-edukaturi meta dawn jagħmlu xogħol ieħor id-dar. L-MUT żiedet li mhix kontra t-tagħlim online jew kontra li l-istudenti li ma jattendux l-iskola jingħataw xi tip ta’ lezzjonijiet. Iżda jekk l-awtoritajiet jixtiequ joffru dan it-tip ta’ servizz għandhom isibu soluzzjonijiet alternattivi. Għaldaqstant l-MUT qed tagħti direzzjoni lill-edukaturi sabiex jekk qed jaħdmu fiżikament fl-iskola ma jirreplikawx ix-xogħol tagħhom online wara l-ħin tal-iskola. Dan jinkludi materjal imtella’ online, inkluż homework u classwork, biex ikun aċċessibbli għall-istudenti li mhux qed jattendu.
  7. Irrekordjar ta’ lezzjonijiet: Sakemm ma jinstabx qbil dwar parametri aċċettabbli mal-MUT, l-ebda rrekordjar ta’ lezzjonijiet m’għandu jsir, ħlief għal lezzjonijiet ta’ Teleskola fejn edukaturi mlew l-espressjoni ta’ interess sabiex jagħtu dan is-servizz.
  8. Live streaming ta’ lezzjonijiet fil-klassi: L-MUT esprimiet ruħha kemm-il darba b’mod favorevoli rigward it-tagħlim online. Biss, għal diversi raġunijiet validi li l-MUT diġà semmiet, il-union ma taqbilx ma’ live streaming ta’ lezzjonijiet li qed iseħħu bl-istudenti fil-klassi (kultant dawn huma msejħa PR – Physical Remote). Għaldaqstant l-edukaturi għandhom id-direzzjoni li jirrifjutaw dan it-tip ta’ arranġament. L-MUT qalet li mhux se taċċetta l-ebda pressjoni fuq għalliema biex jiġu sfurzati jiffirmaw petizzjoni ħalli jiġu mġiegħla jaħdmu b’dan il-mod.
  9. LSEs ma jagħmlux replacement: L-MUT qalet li tinsab infurmata li hemm skejjel li qegħdin iqabbdu LSEs sabiex dawn jieħdu klassi bħala replacement meta ma jkunx hemm għalliem disponibbli jew inkella jiġu mġiegħla joqgħodu ma’ nofs il-klassi sakemm in-nofs l-ieħor għandhom lezzjoni. Dan m’huwiex parti mix-xogħol ta’ LSE u għaldaqstant l-edukaturi kollha f’dan il-grad għandhom id-direzzjoni li ma jaċċettawx dan it-tip ta’ xogħol.
  10. LSEs bi studenti li ma jattendux l-iskola: Id-diskussjonijiet dwar x’se jiġri meta LSEs ikollhom student jew studenti li m’attendewx l-iskola għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, dawn l-LSEs huma miltuba jissapportjaw l-istudenti li għandhom fil-klassi biss u ma jagħmlu ebda xogħol online sakemm jintemmu dawn id-diskussjonijiet.
  11. ‘Schemes of work’ lill-ġenituri: L-edukaturi, inkluż għalliema u KGEs, m’għandhomx l-obbligu li jipprovdu dak li qed jissejjaħ ‘forecast’ jew ‘scheme of work’ lill-ġenituri. Dan qatt ma kien parti mill-ebda diskussjoni jew ftehim u l-MUT tisħaq li m’għandhomx jidħlu prattiċi ġodda bl-iskuża li qegħdin f’ċirkostanzi straordinarji.
  12. Leave tal-mard: L-MUT qalet li wara l-każijiet li iltaqgħet magħhom, il-Union qalet li l-ebda edukatur m’għandu jkun obbligat li jaħdem, per eżempju jibgħat xogħol għall-istudenti, meta dan ikun fuq leave tal-mard. Żiedet li waqt leave tal-kwarantina wieħed mistenni li jkompli b’xogħol mid-dar, leave tal-mard għandu jkun kif dejjem kien, jiġifieri li ħaddiem ma jkunx xogħol waqt li hu marid. Għaldaqstant l-edukaturi għandhom jirrifjutaw xogħol waqt li qegħdin bis-sick leave.

L-MUT ċċarat li dawn id-direttivi mhumiex immirati biex jolqtu ħażin lill-istudenti speċjalment lil dawk li huma vulnerabbli. L-MUT appellat li jinstabu metodi alternattivi ta’ kif l-istudenti għandhom jintlaħqu aħjar mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi.

Dawn id-direttivi bl-ebda mod m’huma intiżi li jolqtu b’mod ħażin lill-istudenti, partikolarment dawk vulnerabbli. L-MUT temmen li għandhom jinstabu metodi alternattivi ta’ kif dawn l-istudenti l-aħjar li jintlaħqu mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi li diġà qegħdin jagħtu l-kontribut massimu tagħhom kif mitlub minnhom minn min iħaddem.

Il-Gvern mhux jisma’ l-appelli biex jindirizza t-tixrid tal-Covid-19 – PN

Bernard Grech MUT
Bernard Grech f’laqgħa mal-MUT

Il-Partit Nazzjonalista f’laqgħa mal-Union tal-Għalliema (MUT) qal li minkejja li l-appelli dejjem qegħdin jiżdiedu biex il-Gvern jindirizza t-tixrid tal-coronavirus il-Gvern qiegħed jibqa’ għaddej daqslikieku kollox normali. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal Bernard Grech qal li l-Gvern bidel id-direzzjoni u ħoloq sens ta’ inċertezza kbira għall-għalliema, il-ġenituri u l-istudenti u mexa daqslikieku ‘business as usual’.

Grech appella biex il-Gvern ma jibqax jilgħab bil-ħajja tan-nies u l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq quddiem jinsisti biex l-Awtoritajiet tas-Saħħa jieħdu d-deċiżjonijiet minflok il-Prim Ministru.

Din hija waqħda mis-sensiela ta’ laqgħat lil-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jagħmel ma’ għaqdiet u l-unjins li jirrapreżentaw lill-ħaddiema fis-setturi l-aktar milquta mill-Covid-19.

Kulħadd għandu jgawdi minn edukazzjoni mill-aqwa – Bernard Grech

PN laqgħa mal-KSU
Il-PN f’laqgħa mal-KSU

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal li l-gżejjer Maltin għadu  jkollu edukazzjoni mill-aqwa f’kull livell sabiex kulħadd ikun jista’ jkollu l-opportunità li jitgħallem.

F’din il-laqgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lill-Kunsill għax-xogħol tagħhom fost l-istudenti tal-Università ta’ Malta u saħaq li l-Partit Nazzjonalista kien pijunier fil-qasam edukattiv u fetaħ il-bibien għal min ried jitgħallem.

Il-President tal-KSU Matthew Xuereb semma diversi sfidi li jiltaqgħu magħhom l-istudenti universitarji fosthom li ma jaffordjawx jixtru t-teknkoloġija bħal-laptops, kif ukoll problemi ta’ flus tant li diversi studenti ma jaffordjawx jixtru l-ikel. Il-President semma wkoll l-ansjetà u l-istress li għaddejjin minnu l-istudenti minħabba l-inċertezzi li d-dinja għaddejja minnhom. Kompla li l-KSU hija konxja li jista’ jkun hemm tibdil għall-għarrieda minħabba ż-żieda fil-każijiet pożittivi tal-Covid-19.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar, il-President tal-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista (FPPN) Graham Bencini, u l-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Joseph Grech.