12,500 multa għax saqu bil-mowbajl, bl-alkoħol u bla seatbelt

Filwaqt li matul l-2013, il-pulizija tat-traffiku taw 3,485 ċitazzjoni minħabba użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena diġà taw 2,527 ċitazzjoni.
Waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq RTK, il-Maġġur Dunstan Camilleri qal li fl-2013, it-Taqsima tat-Traffiku tat 3,408 ċitazzjoni minħabba ċintorini tas-sigurtà, filwaqt li minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena tat 2,849 ċitazzjoni.
Semma wkoll ċitazzjonijiet li ħarġu lil dawk li kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol. Fl-2013 ingħataw 19-il ċitazzjoni, filwaqt li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-pulizija tat-traffiku taw 51 ċitazzjoni.
Dan minbarra l-117-il ċitazzjoni oħra li taw il-pulizija tad-distretti madwar Malta u Għawdex, mis-sena li għaddiet sa Ġunju li għadda.  L-aktar lokalitajiet li fihom ingħataw ċitazzjonijiet minħabba xorb eċċessiv huma San Ġiljan b’19-il każ, segwiti minn San Pawl il-Baħar b’16 u l-Mosta b’7 każi.
Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dawk iċ-ċitazzjonijiet li jingħataw mill-Gwardjani Lokali.