12,000 passiġġier f’jumejn, “prestazzjoni rekord” – Air Malta

Aktar minn 12,000 passiġġier ivvjaġġaw bl-Air Malta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, f’dik li l-kumpanija qed issejħilha “prestazzjoni rekord fl-aħħar snin”.
Il-linja nazzjonali tal-ajru f’Malta qalet fi stqarrija li f’48 siegħa, jiġifieri s-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ Lulju, operat iktar minn 80 titjira, fejn kisbet seat factor ta’ 93%, jiġifieri ġġenerat dħul effiċjenti mis-sitien li mtlew.
Il-Kap Kummerċjali fl-Air Malta, Paul Sies, faħħar ix-xogħol tal-impjegati meta qal li r-riżultat wasal bis-saħħa tagħhom.
Kompla jgħid li dan kien l-aħjar tmiem il-ġimgħa matul l-aħħar sentejn li qabeż anki l-figuri ta' nofs Awwissu tas-sentejn preċedenti.
Sies innota li dar-riżultat huwa aqwa minn dak ta’ sentejn ilu, minkejja li dakinhar kien hemm żewġ ajruplani oħra u inqas kompetizzjoni.
Sies temm jgħid li kien hemm ukoll tijiriet lejn u mill-Iżvizzera u r-Russja li qabżu seat factor ta’ aktar minn 95%, u jħossu fiduċjuż li ċ-ċifra se tinabeż.
Ritratt: Arkivji