Filmat: 118-il immigrant salvati mill-AFM

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 118-il immigrant li kienu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, fosthom 10 nisa, waħda minnhom b’tarbija tat-twelid u ħamest itfal.

Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Intern fi stqarrija fejn ingħad li l-AFM kienu “kostretti” isalvaw lil dawn in-nies li kienu qegħdin jegħrqu fiż-żona ta’ salvataġġ li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-awtoritajiet Libjani interċettaw madwar 7,000 persuna. Għalhekk, il-Gvern huwa kommess li jkompli jikkopera mal-awtoritajiet Libjani biex jipprevjeni aktar wasliet u jnaqqas it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran.

L-immigranti se jinżammu iżolati fi kwarantina fuq l-art filwaqt li s-sejħa għall-bastiment tal-kwarantina li ħareġ il-Ministeru fl-aħħar ġimgħat tinsab fl-aħħar fażijiet tagħha.

Il-Ministru stqarr li, “L-isfida tal-immigrazzjoni irregolari la qatt kienet faċli, u la qatt ser tkun faċli.”

Camilleri saħaq kif waħda mill-prijoritiet ewlenin tal-Gvern hi li jsaħħaħ is-sistema tar-ritorn. B’hekk, il-Gvern qed jieħu passi biex min ma ħaqqux jibqa’ f’Malta jintbagħat lura. 

Sadattant, se tkompli l-ħidma fuq ir-rilokazzjoni ta’ immigranti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Tħabbar li n-numru ta’ immigranti li se jiġu rilokati lejn stati membri tal-Unjoni Ewropea issa tela’ għal 450. Fl-aħħar ġimgħat meta reġgħu fetħu l-ajruporti ġew ir-rappreżentanti tal-pajjiżi rispettivi u fil-ġimgħat li ġejjin se jintbagħtu numru konsiderevoli ta’ immigranti.