113-il sit arkeoloġiku ġdid f’6 snin

Bejn l-2010 u l-2015, instabu 113-il sit arkeoloġiku ġdid madwar Malta u Għawdex.
Dan ħabbru fil-Parlament il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Deo Debattista. Ir-Rabat Malta u r-Rabat Għawdex kienu rispettivament il-lokalitajiet fejn instabu l-iktar siti arkeoloġiċi fiż-żewġ gżejjer. Disgħa mill-10 siti misjuba f’Għawdex instabu fil-limiti tal-belt Victoria.
F’Malta, is-siti misjuba fis-subborg tal-Imdina kienu 27. Is-sejbiet ivarjaw minn cart-ruts għal ċimiterji, għal katakombi, features agrikoli u barrieri.
Bħala norma, is-sejbiet seħħew waqt xogħlijiet fuq proġetti ta’ żvilupp.
Bonniċi spjega li dawn is-siti ġew protetti skont l-importanza rispettiva fid-dawl tal-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali u dik dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u skont il-Pjan ta’ Struttura.
F’każi oħra, il-proġetti ġew inkorporati fil-proġett li kien qed isir.