113 pożittivi għall-coronavirus f’Dar San Ġużepp

Read in English.

113-il resident li joqogħdu fid-dar tal-anzjani San Ġużepp fil-Fgura ttestjaw pożittiv għall-coronavirus. Mill-113-il pazjent, 14 minnhom ittieħdu l-isptar.

Fi tweġiba uffiċjali għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliem tal-Gvern qal li żewġ residenti minn dawn mietu waqt li kellhom il-Covid-19. Wieħed mill-pazjenti miet f’din id-dar filwaqt li l-persuna l-oħra mietet fl-isptar Mater Dei.

Fl-istess waqt it-total ta’ carers li jaħdmu f’din id-dar u li ttestjaw pożittiv għall-coronavirus huwa ta’ 26 filwaqt li 35 ħaddiem ieħor tpoġġew fi kwaratina mandatorja.

Minn meta faqqgħu l-każijiet ta’ Covid-19 f’din id-dar sa issa saru 1,155 swab test. Dan jikkuntrasta mat-testijiet li saru fit-tliet xhur ta’ qabel meta b’kollox saru 776 swab test.

Il-każijiet ta’ coronavirus żdiedu sew fl-aħħar ġimgħa, bil-Professur Charmaine Gauci l-Ġimgħa fil-konferenza tal-aħbarijiet qalet li hemm 117-il każ minn djar tal-anzjani, b’Dar San Ġużepp tkun l-aktar waħda li ntlaqtet ħażin.

Illum 50 każ ġdid ġew irrappurtati, fosthom 5 immigranti li l-Gvern mhux qed iżidhom mal-istatistika uffiċjali.

Illum tħabbar ukoll il-mewt ta’ żewġt irġiel oħra li kienu pożittivi għall-coronavirus, b’wieħed minnhom ġie rikoverat l-isptar wara li kien resident f’dar tal-anzjani.

It-22 u t-23 vittma tal-coronavirus f’Malta
Żewġt irġiel imutu bil-coronavirus

Għandek xi esperjenza li trid taqsamha magħna?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt