113-il persuna jtemmu b’suċċess l-istudji tagħhom fl-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali

Read in English.

113-il pesuna temmew b’suċċess l-istudji tagħhom fl-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali fl-aħħar sena akkademika li għaddiet. Dawn il-korsijiet ġew offruti mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-Istitut ħa d-deċiżjoni li minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-coronavirus, iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ma ssirx. Fi stqarrija l-Istitut awgura lil dawk kollha li se jirċievu ċ-ċertifikat b’mod personali.

Il-korsijiet li temmew il-parteċipanti kienu: fl-oqsma tal-familja, it-teoloġija, il-kura pastorali fl-iskejjel, id-dimensjoni spiritwali fil-kura tas-saħħa, l-għeruq tal-fidi Nisranija fil-Ġudaiżmu, il-ħidma mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ, l-istudji fl-ispiritwalità Karmelitana, Injazjana u l-akkumpanjament spiritwali, l-iskopertà tal-fidi permezz tal-arti, l-iżvilupp tar-responsabbilità ambjentali, u l-formazzjoni għall-fratelli adolexxenti. Dawn il-korsijiet jaqgħu taħt fir-raba’, il-ħames u s-sitt livell tal-Malta Qualifications Framework (MQF) u tal-European Qualifications Framework (EQF).

Żiedu li din is-sena l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali beda l-15-il sena ta’ ħidma, u din kienet se tkun l-14-il ċerimonja ta’ gradwazzjoni. Dan l-Istitut twaqqaf fl-2005 biex iwieġeb għas-sejħa li ħarġet mis-Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill-Insara li jixtiequ jinżlu aktar fil-fond fl-għarfien tal-fidi u jagħtu kontribut aħjar fil-Knisja u fis-soċjetà.

Matul din is-sena akkademika, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali u diversi entitajiet formattivi oħra fil-Knisja qed joffru tmien korsijiet differenti. F’Jannar u Frar 2021 huma mistennija jibdew dawn il-korsijiet: il-ministeru pastorali tal-familja, il-kura pastorali fl-iskejjel, l-iskopertà tal-fidi permezz tal-arti u d-dimensjoni spiritwali fil-kura tas-saħħa. Id-data ta’ meta se jibda l-kors dwar l-Iżvilupp tar-responsabbilità ambjentali se titħabbar aktar ’il quddiem.

Għal iktar informazzjoni dwar il-korsijiet wieħed jista’ jżur is-sit ww.maltapfi.org/courses.