110 miljun latrina ġdida fl-Indja biex 620 miljun ruħ ma jagħmlux tojlit barra

Ġimagħtejn ilu l-Prim Ministru Indjan Narendra Modi ddikjara uffiċjalment li fl-Indja kien spiċċa ż-żmien meta aktar minn nofs l-Indjani kienu jagħmlu tojliet fil-beraħ: fl-għelieqi, fl-arbuxelli, fil-foresti, fix-xmajjar jew minn fejn jgħaddu l-ferroviji.

Il-pjan ta’ Modi kien li f’ ħames snin jibni 110 miljun latrina biex 620 miljun ruħ ma jagħmlux tojlit barra bħalma kien isir.

Iżda minkejja l-ftaħir ta’ Modi u l-kampanja tiegħu Swachh Bharat (Indja Nadifa), esperti jsostnu li t-tojlit fil-beraħ ma nqatax minkejja li saru dawk il-latrini kollha. Dan ġara għaliex wara li nbnew it-tojlits ma kienx hemm minn jieħu ħsiebhom u l-materjal ma kienx ikun mormi kif kellu jkun.

Hemm partjiet kbar fl-Indja li fid-djar issibhom it-TV bis-satellita, il-mobajls u l-freezers imma m’għandhomx tojlit. L-Indjali telgħu bil-mentalità li jekk tagħmel tojlit id-dar tkun qed tħammeġ il-post u għalhekk il-kamra tal-banju ma kellhiex postha hemm.

Il-UNICEF, għaqda tan-Nazzjonijet Uniti, tgħid li t-tfal li jagħmlu xogħolhom barra huma suġġetti għal bosta mard u li l-kontaminazzjoni mill-ħmieġ twassal biex xi tfal imuti ta’ età żgħira .

Nisa Indjani u bniet li jagħmlu tojlit barra jgħidu li jmorru jagħmlu xogħolhom meta jkun dalam biex ma jarawhomx. Imma dan qed iwassal għal attakki fiżiċi u stuprar.

Qabel ma bdiet il-kampanja ta’ Indja Nadifa 39 fil-mija biss tal-popolazzjoni kellhom tojlit fid-dar. Xi nisa ma ridux jiżżewġu jekk fejn kienu sejrin joqogħdu l-futur żewġhom ma kellux tojlit fid-dar.