110,000 jattendu l-ftuħ uffiċjali ta’ Valletta 2018

Folla rekord ta’ madwar 110,000 persuna attendiet il-ftuħ uffiċjali ta’ Valletta 2018.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Kultura, li spjega kif din kienet l-ikbar folla li qatt attendiet avveniment fil-miftuħ f’Malta.
Mal-1,000 artist u l-450 membru mit-tim tal-produzzjoni kienu involuti fil-manifestazzjoni ta’ dan il-programm li kien magħmul minn erba’ rapreżentazzjonijiet differenti f’erba’ pjazez differenti.
L-ispettakli kienu qed jirrepetu ruħhom kull siegħa bejn is-7pm u l-11pm sabiex kulħadd ikun jista’ jesperjenza l-attivitajiet kollha.
Is-serata ntemmet bil-kunċert TEMPO li kien l-ewwel kunċert lokali tax-xorta tiegħu fejn għaqqad lid-DJ ta’ fama internazzjonali, Tenishia, mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Fl-istqarrija ntqal ukoll kif kienu bosta dawk li faħħru u wrew apprezzament tax-xogħol li sar.
Dawn il-kumplimenti ma ġewx biss mill-poplu Malti, iżda wkoll mill-20 delegazzjoni differenti mill-bliet Ewropej responsabbli minn Kapitali Ewropej tal-Kultura.
Il-Ministeru tal-Kultura u s-Segretarjat Parlamentari għall-Valletta 2018 irringrazzjaw lill-artisti kollha li taw xi prestazzjoni waqt l-avveniment, lill-forzi tal-ordni tas-sigurtà, lix-xandara li trażmettew iċ-ċelebrazzjonijiet fuq it-televiżjoni, kif ukoll lid-Direttorat tat-Tindif li kmieni dalgħodu naddaf it-toroq tal-Belt Valletta, fost persuni u entitajiet oħra.
Ritratt: Ian Noel Pace