11% tal-ħaddiema Filippini f’Malta sofrew mill-ibbuljar fuq ix-xogħol – studju

Studju li sar dwar il-ħaddiema Filippini f’Malta sab li 10.7% tagħhom sofrew mill-ibbuljar fuq il-post tax-xogħol.

L-analiżi saret minn Dr Manwel Debono u Dr Mario Thomas Vassallo – it-tnejn għall-Università ta’ Malta. Ġiet ippubblikata f’Settembru tal-2019 fil-European Scientific Journal (ESJ). Dan huwa ġurnal peer-reviewed u open access.

L-awturi qalu li Malta qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi li kien qed jattira n-numru dejjem jikber ta’ ħaddiema barranin. Intqal li l-Filippini f’Malta kienu l-akbar grupp ta’ immigranti fil-pajjiż li mhumiex mill-Unjoni Ewropea.

Manila, il-kapitali tal-Filippini

L-analiżi saret abbażi ta’ kwestjonarju li mtela’ minn 317 ħaddiem mill-Filippini f’Malta. Filwaqt li l-maġġoranza tagħhom qalu li kellhom esperjenza pożittiva fuq il-post tax-xogħol, kien hemm “minoranza sinifikanti” li kienet qed tikkumbatti ma’ kundizzjonijiet u perċezzjonijiet negattivi.

L-awturi qalu wkoll li jidher li l-ħaddiema mill-Filippini f’Malta jaffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol agħar minn immigranti oħra fl-Ewropa. Kważi nofs dawk li mlew il-kwestjonarju qalu li s-saħħa jew is-sigurtà tagħhom kienet f’riskju minħabba x-xogħol tagħhom. Aktar minn 25% minnhom sofrew minn xi tip ta’ deskriminazzjoni. Kien hemm terz li ma kinux kuntenti bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Il-Filippini huma l-akbar grupp ta’ nies li mhumiex ġejjin mill-Ewropa f’Malta. Ħafna minnhom jaħdmu bħala cleaners jew care-workers. F’Malta l-maġġoranza tal-komunità Filippina huma nisa u ħaddiema żgħar.

Fl-2010 kien hemm 459 persuna mill-Filippini li kienu qed jaħdmu Malta. Fl-2018 dan in-numru tela’ għal 2,882. L-awturi jemmnu li dan in-numru se jiżdied.

Biex wettqu r-riċerka tagħhom l-awturi ltaqgħu ma’ għadd ta’ mexxejja ta’ komunitajiet Filippini. Dawn għenu fit-tqassim tal-kwestjonarju.

Statistika tal-Filippini mqabbla mal-Maltin

Instab li 95.9% tal-Filippini li jaħdmu f’Malta kellhom impjieg full-time meta mqabbel mas-87.7% tal-Maltin.

Fost il-Filippini 43.8% kellhom kuntratt ta’ xogħol definit meta mqabbel ma’ 8.2% tal-Maltin. Instab li 14.4% kienu jaħdmu mas-settur pubbliku filwaqt li kienu 35.1% tal-Maltin li jaħdmu f’dan il-qasam.

Instab li 40% tal-Filippini jaħdmu aktar minn 41 siegħa fil-ġimgħa waqt li 27.4% tal-Maltin kienu jaħdmu dawn l-ammonti.

Minn fost dawk li wieġbu l-kwestjonarju, 67.9% qalu li jistgħu jinfluwenaw deċiżjonijiet important tax-xogħol. Fost il-Maltin hemm 55.8% li jħossu li jistgħu jagħmlu dan.

Ir-riċerkaturi sabu li 0.5% tal-Filippini ġew esposti għal fastidju sesswali. Fost il-Maltin din iċ-ċifra hija ta’ 0.2%. Filwaqt li 10.7% tal-Filippini kienu l-vittma ta’ bullijar jew xi tip ta’ fastidju ieħor, fost il-Maltin din l-istatistika kienet ta’ 6.1%.

Iż-żewġ riċerkaturi kkonkludew li mhuwiex etiku li Malta tkompli tattira ħaddiema barranin mingħajr l-ippjanar u l-investimenti meħtieġa għall-impjieg u għall-integrazzjoni soċjali tagħhom.

Tista’ taqra l-istudju sħiħ bl-Ingliż minn hawn.