49 mejta u 48 nieqsa wara xita qawwija fil-Ġappun

Reuters

49 mietu u 4 persuni jinsabu f’kundizzjoni kritika, filwaqt li hemm minn tal-inqas 48 persuna nieqsa wara li xita qawwija ħakmet il-Punent u ċ-Ċentru tal-Ġappun.

Skont ġurnali barranin jidher li mal-1.6 miljun persuna ġew evakwati mid-djar tagħhom. Filwaqt li 3.1 miljun persuna oħra kien avżati biex jitilqu.

Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun ħarġet erba’ twissijiet fil-Punent tal-Ġappun, b’mod speċjali għall-Gżira ta’ Honshu sabiex il-pubbliku joqgħod attent mit-tiġrif, xmajjar, ir-riħ qawwi u dik li qed isejjħula “xita storika”.

L-aġenzija qalet li minkejja li t-temp jidher li qaleb għall-aħjar bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ġappun, xorta għad hemm ir-riskju li l-maltemp jippersisti minħabba li l-arja sħuna miexja dejjem ‘il quddiem.

Raġel fil-Punent ta’ Hiroshima miet wara li waqa’ minn fuq pont u baqa’ nieżel fi xmara, filwaqt li raġel ta’ 77 sena miet wara li ġie mkaxkar ġo kanal fil-belt Takashima.

Skont is-Segretarju tal-Kap tal-Kabinett, Yoshihide Suga mat-48,000 pulizija, ħaddiema tat-tifi tan-nar u l-armata qed jaħdmu fuq aktar minn 100 żona ta’ tiġrif u għajjat ieħor għall-għajnuna.

It-temp affettwa wkoll l-industrija, hekk kif dawk li jagħmlu l-karozzi kellhom jwaqqfu l-produzzjoni.