11 mejta u 122 midruba wara terremoti fiċ-Ċina

Rescue workers are seen on a collapsed house after earthquakes hit Changning county in Yibin, Sichuan province, China June 18, 2019. REUTERS/Stringer

Read in English.

Żewġ terremoti b’saħħithom fiċ-Ċina s’issa rriżultaw fi 11-il persuna li tilfu ħajjithom, filwaqt li 122 persuna oħra ġew midruba. Il-media tal-istat żiedet tgħid li l-ħaddiema ta’ salvataġġ ħarġu numru ta’ persuni minn qalb it-tiġrif f’parti mill-pajjiż li ta’ sikwit ikun maħkum minn theżżiżiet kbar.

It-terremoti li seħħew madwar 30 minuta ‘l bogħod minn xulxin laqtu l-provinċja ta’ Sichuan tard ilbieraħ filgħaxija. It-theżżiż inħass ukoll minn ibliet reġjonali bħall-kapitali tal-provinċjal Chengdu u l-metropolis ta’ Chongqing.

Bost persuni ħarbu fit-toroq u abbandunaw il-binjiet tagħhom hekk kif ħafna sofrew ħsarat. Dan deher f’bosta ritratti maħruġa fuq il-media soċjali.

L-ewwel terremot li nħass kien ta’ forza 5.9, li ġie segwit minn wieħed iżgħar ta’ forza 5.2, it-tnejn li huma f’distanza ta’ 10 kilometri taħt l-art skont l-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Uniti.

Lura f’Mejju tal-2008, Sichuan soffriet minn terremot kbir li qatel kważi 70,000 persuna.