Filmat: Waqt l-attakk f’Pariġi jinstemgħu jgħajtu “Allahu Akbar”

Tliet persuni armati b'kalashnikovs u rocket launcher daħlu fil-bini tar-rivista satirika Charlie Hebdo f’Pariġi u wettqu massakru mill-ħaddiema.
Fl-uffiċini nqatlu minn tal-inqas 12-il persuna u weġġgħu 5 oħra. Mit-12-il persuna mejta, 10 minnhom kienu ġurnalisti li nqatlu waqt laqgħa editorjali.  Iż-żewġ vittmi l-oħra huma pulizija, li ġew wiċċ imb wiċċ mal-agressuri.
Fost il-mejta hemm erba’ kartunisti, inkluż l-editur Stephane Charbonnier.  Fil-passat, irċieva bosta theddid ta’ mewt u kien qed jgħix taħt il-protezzjoni tal-pulizija.  Fl-2013 kien fil-lista tal-al Qaeda bħala wieħed mill-aktar persuni mfittxija fid-dinja.
Waqt l-isparatura, wieħed mill-aggressuri nstema' jgħajjat "Allahu Akbar".
Il-President Franċiż François Hollande kkundanna dawn l-attakki u ddeskrivihom bħala terroristiċi. Qal ukoll li dan l-attakk sar kontra l-libertà tal-espressjoni u kontra l-ġurnalisti kollha.
F'Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat wera s-solidarjetà tal-poplu Malti mal-qraba tal-vittmi u l-poplu kollu Franċiż. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li f'dan il-mument, il-Maltin jinsabu magħqudin mal-Franċiżi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. 
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin offra l-appoġġ morali tiegħu lill-ġurnalisti tal-ġurnal satiriku u tenna l-appell tiegħu biex il-ġurnalisti fid-dinja kollha jitħallew jaħdmu fil-libertà, li hi dritt fundamentali ta’ kull persuna, hi min hi u tagħmel liema xogħol tagħmel.
Skont ix-xhieda, l-aggressuri daħlu fil-bini u fetħu n-nar bil-Kalashnikov. L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post eżatt wara l-isparatura u ħatfu karozza li kienet għaddejja.  Sa issa għadhom ma nqabdux iżda fil-periferija ta' Pariġi nstabet il-karozza li ħarbu biha.
Il-livell ta' terrur f'Pariġi ġie mgħolli għall-għola livelli.
Siegħa qabel ma ġara l-attakk, fuq Twitter tar-rivista, ittellgħet stampa tal-mexxej tal-Istat Iżlamiku Abu Bakr al-Baghdadi. Għadu mhux magħruf jekk l-account ta’ Twitter ġiex iħħekkjat jew le, iżda r-rivista Charlie Hebdo awgurat lill-mexxej Iżlamiku “ħafna saħħa u awguri”. Fuq Twitter stess bdiet ukoll kampanja ta' solidarjetà mar-rivista bit-tema 'Je suis Charlie', li tfisser Jiena Charlie. Persuni qed iduru b'din il-kitba fuq biċċiet tal-kartun li qed iżommu f'idejhom.  
Din mhux l-ewwwel darba li ġew attakkati l-uffiċini tar-rivista. F'Novembru 2011, l-uffiċini ħadu n-nar wara li fil-faċċata tar-rivista kien hemm stampa kontroversjali tal-Profeta Mohammed.
Kundanna mill-komunità internazzjonali
Renju Unit: David Cameron iddeskriva l-attakk terroristiku fuq l-uffiċini ta’ Charlie Hebdo bħala attakk diżgustanti fuq il-libertà tal-espressjoni.
Stati Uniti: Barack Obama sostna li l-White House kollha turi solidarjeta mal-familji tal-vittmi.
Kummissjoni Ewropea: Il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker qal li hu xxukkjat bl-attakk u sejjaħlu bħala att barbaru li jolqotna direttament bħala bnedmin u Ewropej.
Parlament Ewropew: Il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz qal li dan kien attakk lejn is-soċjetà ċivilizzata. Appella biex l-Ewropej ma jiċħdux il-valuri tal-ħelsien tal-istampa, l-espressjoni, it-tolleranza u r-rispett.