11-il żwieġ iddikjarat null bil-proċess il-qasir fl-2017

Fl-2017, fil-Provinċja Ekkleżjali Maltija, jiġifieri fid-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex, kien hemm 12-il koppja li ressqu talba għall-annullità taż-żwieġ permezz tal-proċess iqsar – proċess differenti minn dak applikat is-soltu, u li ġie introdott mill-Papa Franġisku fl-2015, sabiex iħaffef il-każi ta’ nullità taż-żwieġ, meta l-allegata nullità tkun sostnuta minn argumenti ċari ħafna u mitluba miż-żewġ partijiet.
Minn dawn il-każi li tressqu quddiem l-Isqfijiet rispettivi, 11-il żwieġ ġie ddikjarat null. Dawn il-każijiet ġew deċiżi f'medja ta' sitt xhur, għalkemm kien hemm każijiet li damu tliet xhur. 
Dan tħabbar mill-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ filgħaxija waqt preżentazzjoni bit-tema Il-Proċess Iqsar għad-Dikjarazzjoni tan-Nullità taż-Żwieġ quddiem l-Isqof: L-esperjenza Maltija, fl-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjali tat-Tribunali Ekkleżjastiċi tal-Provinċja Maltija.
Mons. Scicluna, li huwa wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, spjega wkoll li l-Kurja tal-Arċisqof issussidjat it-Tribunal b’€200,000 biex tgħin lill-koppji waqt dan il-mument diffiċli.  
L-Arċisqof qal li l-koppji jingħataw kull għajnuna mit-Tribunal, inkluż dik finanzjarja fejn meħtieġ, biex issir ġustizzja ma’ dawk involuti.
Waqt l-istess attività, ingħata wkoll rendikont ġenerali tal-ħidma mwettqa mit-tliet Tribunali Ekkleżjastiċi f’Malta fl-2017, li taw ukoll ħarsa ‘l quddiem dwar il-ħidma tagħhom din is-sena.
Fi stqarrija, il-Kurja tal-Arċisqof qalet li t-Tribunali tal-Knisja laqgħu bil-qalb l-istedina tal-Papa Franġisku, sabiex ikunu dejjem iktar miftuħa għall-membri tal-Knisja li jixtiequ jdawlu l-kuxjenza tagħhom, imma spiss jinżammu lura mill-istrutturi ġudizzjali tal-Knisja minħabba bogħod fiżiku jew morali.
Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm in-Nunzju Appostoliku Alessandro D'Errico,  l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, l-Isqof Malti ta’ Ġibilità u eks Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Carmelo Zammit, u l-Prim Imħallef Silvio Camilleri. 
Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace