11-il Uffiċjal Korrettiv ħarġu pożittivi bil-covid s’issa – Camilleri

Kordin-Correctional-Facility-5
Miguela Xuereb

Read in English.

Minn meta feġġet il-pandemija s’issa, kien hemm 11-il Uffiċjal Korrettiv li spiċċaw f’xi ħin jew ieħor pożittivi għall-coronavirus.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri hu u jwieġeb mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwar l-Uffiċjali Korrettivi. Hu qal ukoll li bħalissa “m’hemm ħadd li jinsab pożittiv”.

Fenech Adami staqsa wkoll dwar kemm saru swab tests fuq ir-residenti fil-ħabs mill-bidu tal-pandemija sal-lum. Camilleri wieġeb jgħid li b’kollox saru 856 swab fuq il-priġunieri. Minn dawn qal li s’issa nstab biss pożittiv wieħed.

Ilbieraħ, Newsbook.com.mt irrapporta kif priġunier ta’ 28 sena mill-Eġittu instab pożittiv għall-Covid-19 mal-wasla tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara li daħal fuq arrest fl-aħħar jiem. Dan it-tagħrif ingħata lil Newsbook.com.mt mill-kelliema għall-Ministeru tal-Intern.

Aktar dettalji minn hawn:
Priġunier f’Kordin bil-coronavirus

Il-kelliema spjegat li bħala proċedura ġenerali kull priġunier li jidħol fil-ħabs jinżamm iżolat biex isiru t-testijiet mediċi meħtieġa u tkun magħrufa l-kundizzjoni tas-saħħa tal-persuna. Il-ħaddiema u l-uffiċjali korrettivi kollha li kellhom kuntatt ma’ dan il-priġunier użaw ilbies protettiv u ħadu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji skont il-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, inkluż il-proċess ta’ dekontaminazzjoni.

Fil-Parlament, Camilleri tkellem ukoll dwar l-għadd ta’ priġunieri fiċ-ċelel. Hu u jwieġeb lil Fenech Adami, Camilleri qal li hemm total ta’ 185 ċella fil-ħabs li għandhom fihom aktar minn priġunier wieħed. Qal ukoll li hemm 16-il ċella li fihom jinżammu aktar minn żewġ detenuti.