11-il sena ħabs wara li ttraffika l-kokaina

Raġel ta’ 34 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat 11-il sena ħabs u ngħata multa ta’ €30,000 wara li ammetta li ttraffika aktar minn kilogramma ta’ droga kokaina.
Stiano Agius kien akkużat ukoll b’pussess tad-droga, ħasil tal-flus u li kien reċediv.
Fil-Qorti nstema’ kif fl-2007, Agius intlemaħ b’pakkett suspettuż mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ kontra d-Droga.  Wara saru tfittxijiet fid-dar tiegħu fejn sabu aktar kokaina b’valur ta’ €87,600.
Dakinhar, Agius kien qal lill-Pulizija li kellu ftehim ma’ raġel barrani biex iżommlu d-droga.
Mart Agius ta’ 37 sena, qed taffaċċja l-istess akkużi, madanakollu għall-kuntrarju ta’ żewġha, m’ammettietx l-akkużi u se tgħaddi ġuri.