11-il proposta biex tittejjeb il-kwalità tal-arja f’Malta

Read in English.

28 għaqda medika u dawk favur l-ambjent ħarġu bi 11-il proposta sabiex isejħu għal miżuri serji għat-titjib tal-kwalità tal-arja. Huma sostnew li t-tniġġis tal-arja jiswa l-ħajja ta’ aktar minn persuna waħda kuljum f’Malta.

Fi stqarrija, l-għaqdiet ikkowtaw diversi riċerki li saru fil-passat. Qalu kif iċ-Ċentru għar-Riċerka fuq l-Enerġija u Arja Nadifa (CREA) dax-xahar ħareġ rapport li juri li 11,000 mewt fl-Ewropa ġew evitati minħabba tnaqqis fil-konsum ta’ prodotti taż-żejt bħala sors ta’ enerġija waqt il-pandemija tal-COVID-19. Ikkwotaw ukoll studji riċenti li juru li f’Malta medja ta’ 500 persuna fis-sena tmut qabel iż-żmien minħabba l-kwalità tal-arja fil-pajjiż. Qalu li l-Maltin huma wkoll l-aktar ċittadini Ewropej li rrappurtaw li huma esposti għal tniġġis tal-arja skont studju tal-Eurostat fl-2017.

Huma spjegaw li t-tniġġis tal-arja naqas drastikament waqt ir-restrizzjonijiet tal-pandemija f’Malta u l-attakki tal-ażma naqsu wkoll possibilment kemm minħabba nuqqas ta’ tniġġis kif ukoll minħabba l-miżuri restrittivi. Qalu li theddida għas-saħħa oħra hija t-tniġġis minn vapuri f’Malta fejn studji juru li t-twaqqif ta’ Emission Control Area (ECA) Mediterranja jista’ jevita l-mewt ta’ 6,000 persuna fir-reġjun kull sena.

L-għaqdiet sejħu għal implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri:

  • li perikli għas-saħħa interkonnessi – it-tniġġis tal-arja u tal-istorbju, is-saħħa mentali u l-pandemija tal-obeżità jiġu meħuda b’serjetà kif ittieħdet il-pandemija tal-COVID-19;
  • li jiġu offruti inċentivi aħjar għal xiri u użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u mezzi ta’ trasport li jniġġsu inqas;
  • li żoni ħodor u fil-kampanja jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha f’Malta;
  • li jkun hemm taħlita ta’ xogħol u tagħlim mid-dar flimkien mal-metodi konvenzjonali meta dan huwa possibbli sabiex ma jkunx hemm traffiku evitabbli bit-tniġġis li jġib miegħu;
  • li tinbena infrastruttura aktar sigura u avvanzata għall-użu pedonali, roti u mezzi ta’ trasport simili;
  • li jsir investiment ikbar fit-trasport pubbliku b’possibilità ta’ żieda ta’ mezzi oħra ta’ trasport;
  • li jkun hemm aktar miżuri u titjib fl-infrastruttura għal mezzi ta’ trasport kondiviżi u trasport pubbliku;
  • li jiġu maħluqa żoni pedonali akbar u permanenti fiċ-ċentri tal-bliet u l-irħula u li jkun hemm implimentazzjoni fit-tul tal-pjanijiet riċentement imħabbra mill-Gvern;
  • li ssir implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-Programm Nazzjonali għal-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja;
  • li titwaqqaf  Emission Control Area (ECA) Mediterranja sabiex jitnaqqas it-tniġġis mill-vapuri;
  • li jiġu introdotti miżuri li jikkumbattu l-illitteriżmu diġitali eżistenti f’kull età minħabba ż-żieda ta’ diġitalizzazzjoni fis-servizzi pubbliċi u dawk privati.

Il-firmatarji tal-istqarrija huma: Association of Anaesthesiologists of Malta (AAM), Association of Private Family Doctors (APFD), Association of Surgeons of Malta (ASM), Attard Residents Environmental Network (AREN), Bicycle Advocacy Group (BAG), Birdlife Malta, Creating A Positive Environmentally Resourceful Society (CAPERS), Din l-Art Ħelwa (DLĦ), Extinction Rebellion, Family Medicine Trainees Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Geriatric Medicine Society of Malta (GMSM), Green House, IRMCo – Integrated Resources Management, Malta Association of Psychiatric Trainees (MAPT), Malta Association of Psychiatry (MAP), Malta Association of Public Health Medicine (MAPHM), Malta Medical Students’ Association (MMSA), Malta Obesity Association, Maltese Association of Dermatology and Venereology (MADV), Maltese Association of Radiologists and Nuclear Medicine Physicians (MARNMP), Moviment Graffitti, Nature Trust – FEE Malta, Ramblers’ Association of Malta, The Archaeological Society Malta (ASM) u Żminijietna – Voice of the Left.