11-il persuna jinqatlu kiesaħ u biered waqt festin tat-tfal fil-Messiku

Ħdax-il persuna nqatlu meta persuni mgħammda daħlu għal għarrieda fuq festin tat-tfal u qabdu jisparaw fuq kulħadd.
L-inċident terribbli seħħ fil-belt Messikana ta’ Tizayuca, fl-istat ta’ Hidalgo.
L-attività kienet qed tittella’ taħt tinda fi nħawi residenzjali tal-post, u l-qattiela ma ħallewx wieħed mill-11-il adulti ħajjin.
Il-Pulizija sabet tlitt itfal ħajjin xħin martret fuq il-post, iżda aktar informazzjoni dwar fatalitajiet ta’ tfal għadha ma ngħatatx.
Għalkemm ir-raġuni tal-qtil għadha mhix magħrufa, riċentement il-Messiku reġa’ qed jara waqtiet vjolenti ta’ ġlied u qtil brutali bejn gangs ta’ kartelli tad-droga.
F’Mejju waħdu ġew irreġistrati 2,186 persuna maqtula minħabba kunflitti bejn dawn il-gruppi, li bejniethom hemm miljuni ta’ ewro jiġru fi droga.
Dan ifisser kważi 70 persuna mejta kuljum.
Il-Pulizija tal-istati l-aktar mifnija jsibu ma' wiċċhom bosta brutalitajiet fuq ix-xena tal-krimini, ngħidu aħna persuni mgħallqa minn xi gang biex tpattiha lil gang oħra.
Qed jingħad li moda ġdida dan l-aħħar hija ta’ persuni bħal dawn, magħrufa bġala hit men, li jidħlu fuq familji sħaħ u joqtlu lil kulħadd.