11-il lokalità bla ilma għal 9 sigħat bil-lejl il-ġimgħa d-dieħla – WSC

Ħdax-il lokalità se jkunu bla ilma għal disa’ sigħat bil-lejl il-ġimgħa d-dieħla skont il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Fi stqarrija l-WSC qalet li minħabba xogħol infrastrutturali l-provvista tal-ilma lejn Santa Lucija, Raħal Ġdid, Fgura, Ħal Tarxien, Isla, Birgu, Bormla, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, Kalkara, u l-Qasam Industrijali ta’ Bulebel se tkun sospiża l-ġimgħa d-dieħla. Il-qtugħ fis-servizz se jkun mill-11.30 pm it-Tnejn 23 ta’ Marzu sad-9am tat-Tlieta 24 ta’ Marzu. Il-qtugħ se jdum madwar disa’ sigħat u nofs.

Għadd ta’ residenti se jkunu mingħajr ilma f’perjodu li fih l-awtoritajiet tas-saħħa qed jisħqu fuq l-importanza tal-iġjene. Dan minħabba l-imxija tal-coronavirus. Meta wieħed jaħsel idejh tajjeb bis-sapun u bl-ilma, wieħed ikun jista’ jeqred il-virus jekk dan ikun fuq il-ġilda. F’Malta u f’ħafna postijiet madwar id-dinja sar diffiċli ħafna biex wieħed jixtri sanitisers għall-idejn.

Dalgħodu l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li Malta rreġistrat 11-il każ ġdid f’Malta. B’hekk it-total tela’ għal 64 każ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn