11-il dar fil-Fgura għal persuni b’diżabilità

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Dar Merħba fil-Fgura għadha kemm ġiet inawgurata b’total ta’ 11-il dar fil-komunità bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta.

Dan tħabbar fi stqarrija konġunta mill-Munisteru għall-Infrastruttura u mis-Segretarjat Parlamentari gġal Persuni b’Diżabilità.

Dar Merħba hi blokka ta’ żewġ appartamenti fil-komunità li jakkomodaw sa massimu ta’ tmien persuni f’kull appartament. Huma se jiġu provduti servizz professjonali minn Aġenzija Sapport f’kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni Wens.

It-tielet sular tal-blokka fih ukoll pixxina terapewtika fejn ir-residenti u persuni oħrajn minn Fondazzjoni Wens se jirċievu terapija minn professjonisti fil-qasam.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega li l-binja ħa tara investiment ta’ €400,000 fis-sena.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Ian Borg spjega li “kull individwu jixraqlu li jgħix b’mod dinjituż u fejn hu possibbli li jkollu livell ta’ indipendenza biex jgħix komdu mal-bqija tal-komunità.”