Ritratti: 11 arrestati fuq droga f’San Ġiljan

Ħdax-il persuna ġew arrestati fuq reati marbuta mad-droga f’San Ġiljan.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li lbieraħ ġew arrestati 11-il persuna b’rabta ma’ allegat traffkar u abbuż tad-droga f’appartamenti u fi ġnien pubbliku, f’San Ġiljan.

Wara jiem ta’ osservazzjoni fuq informazzjoni li f’appartament fi Triq Dragonara allegatament qiegħed isir traffikar ta’ droga, il-Pulizija tad-Distrett marru fil-post fejn fl-appartament sabu żewġ żgħażagħ ta’ 20 u 22 sena mil-Latvja u mara Spanjola ta’ 33 sena.

“Saret tfittxija fl-appartament permezz tal-klieb tal-Pulizija, fejn fil-kamra tas-sodda nstabet sustanza suspettata cannabis. Minn aktar tfittxijiet li saru fl-appartament instabu aktar oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga. Il-ħidma ssoktat ftit ‘il bogħod, fi ġnien pubbliku, wara rapporti li fil-post qiegħed isir traffikar ta’ droga,” qalet il-Pulizija.

Il-Pulizija rat li xi persuni allegatament setgħu kienu qegħdin jabbużaw mid-droga u persuna minnhom allegatament tbigħ id-droga. Għaldaqstant ġew arrestati tmien persuni, kollha ta’ nazzjonalità Somola. Waqt li l-persuni kollha ġew mitkellma mill-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni, madwar il-ġnien saret tfittxija mill-klieb tal-Pulizija. Il-Pulizija għamlu wkoll tfittxija f’residenza fi Triq Schriber, f’San Ġiljan, fejn tgħix il-persuna li allegatament kienet qiegħda tbigħ id-droga. Dan huwa Somalu ta’ 30 sena. F’din it-tfittxija nstab ammont ta’ droga, suspettata cannabis, kif ukoll miżien.