11,500 student fis-sena fl-Università fl-aħħar 4 snin

Matul is-sena akkademika li waslet biex tintemm, 11,476 student kienu qed isegwu kors fl-Università ta' Malta. Fl-istess perjodu, fl-Università kien hemm 1,707 impjegati jew medja ta’ lettur għal kull 7 studenti.
Dan  joħroġ minn statistika preżentata lbieraħ fil-Parlament mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
L-istatistika turi li l-għadd ta' studenti, bħala medja, kien kostanti fl-aħħar erba' snin, b'medja ta' madwar 11,500 student kull sena. Il-Fakultà tal-Ekonomija, Maniġment u Kontabilità (FEMA) kienet il-Fakultà bl-akbar għadd ta' studenti – 1,741. Segwew il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa u dik tal-Arti fit-tieni u t-tielet post, b'1,287 u 1,186 student rispettivament.
Il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija hi l-Fakultà bl-ikbar għadd ta' akkademiċi, bi 377. Warajha jiġu l-Fakultà tal-Arti b'144 akkademiku u l-Fakultà għax-Xjenzi tas-Saħħa b'142. Il-FEMA segwiet fir-raba' post b'133 akkademiku.
Erba' Istituti fl-istess Università kellhom anqas minn 10 studenti. Dawn kienu l-Istitut għax-Xjenzi dwar l-Ispazju u l-Astronomija bi tliet studenti, l-Istitut għall-Gżejjer u Stati Żgħar b'erba' studenti, l-Istitut Mediterranju b'ħames studenti u l-Istitut għall-Bidla fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli b'sitt studenti. Dawn l-istituti għandhom żewġ akkademiċi kull wieħed għajr għall-Istitut Mediterranju b'akkademiku wieħed.