10,800 persuna jmutu fl-iktar jum fejn ġew reġistrati mwiet madwar id-dinja

Photo via Pickist

Skond ċifri li għadhom kemm inħarġu minn aġenziji internazzjonali, sa nhar it-Tlieta li għaddew, it-total globali ta’ mwiet ta’ kuljum kien ta’ 10,816, l-ogħla għadd ta’ mwiet li qatt kien hemm f’ġurnata waħda hekk kif l-epiċentru globali tal-virus, l-Istati Uniti, qed joqorbu x-xitwa.

L-aħħar rekord ta’ mwiet globali f’jum wieħed kien ta’ 10,733, reġistrat nhar l-4 ta’ Novembru. L-Istati Uniti, l-iżjed pajjiż fid-dinja li ntlaqat ħażin, irraporta madwar 11.38 miljun infezzjoni u 248,574 mewta minn meta faqqgħet il-pandemija.

Fl-Afrika, għalkemm l-għadd ta’ infezzjonijiet li qed ikunu rappurtati qed jiżdied iżjed bil-mod minn reġjuni oħra madwar id-dinja, l-Erbgħa li għaddew, it-total ta’ każijiet ta’ coronavirus qabeż iż-żewġ miljuni.

B’iżjed minn 2,012,000 każ, l-Afrika tirrappreżenta ftit inqas minn 4% tal-każijiet rappurtati madwar id-dinja, fil-fatt ħafna esperti jaħsbu li l-għadd jista’ jkun ferm ogħla minn hekk.

Fil-fehma tagħhom, ħafna infezzjonijiet u mwiet relatati ma’ COVID-19 madwar l-Afrika mhumiex qed ikunu reġistrati minħabba li r-rata ta’ testing fil-kontinent ta’ madwar 1.3 biljun persuna hija fost l-iżjed rati baxxi fid-dinja, hekk kif ħafna mwiet mhux qed ikunu reġistrati.