108 Maltin jagħmlu abort fl-Ingilterra fl-aħħar sentejn

108 nisa Maltin siefru lejn l-Ingilterra jew Wales fl-2013 u fl-2014 biex iwettqu abort fl-ewwel ġimgħat tat-tqala tagħhom. 
F’dawn is-sentejn imsemmija, kull sena kien hemm 54 Maltin li ddeċidew li  jagħmlu abort f’wieħed mill-isptartijiet u kliniċi tal-Ingilterra u Wales. 
Mill-1990 sal-2014, għal xi raġuni, saru 1,383 abort minn Maltin fl-Ingilterra u Wales.  Jiġifieri medja ta’ 55 nisa Maltin, tul dawn l-24 sena siefru lejn l-Ingilterra minħabba l-abort.
L-istatistika, ippubblikata mid-Dipartiment għas-Saħħa fl-Ingilterra, la tagħti dettalji dwar l-etajiet tal-Maltin u l-anqas ta' kemm temmew it-tqala tagħhom.  
Mill-pajjiżi kollha Ewropej, kemm fl-2013 kif ukoll fl-2014, il-Maltin kienu s-seba’ l-aktar nisa li għamlu abort fl-Ingilterra. 
Mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, il-Maltin imbagħad kienu r-raba’ l-aktar. 
L-abort mill-Maltin hu 1% tal-aborti kollha li jsiru fl-Ingilterra u Wales minn residenti mhux Ingliżi. 
Bejn l-1968 u l-2014, minn kemm ilha tinġabar informazzjoni dwar l-aborti li saru  fl-Ingilterra u Wales, sar kważi 8 miljun abort (7,851,143).  Dan jinkludi residenti Ingliżi, ta’ Wales kif ukoll residenti oħra Ewropej u residenti ta’ pajjiżi oħra. 
Fl-Ingilterra u f’Wales, fl-2013 kien hemm 190,800 operazzjoni ta’ abort, waqt li fl-2014 inqatlu 708 feti inqas, biex b’hekk kien hemm 190,092 każ ta’ abort.
Dawn iċ-ċifri jinkludu l-aborti mwettqa fl-Ingilterra stess mir-residenti l-oħra Ewropej, mir-residenti tal-pajjiżi Għarab, Afrikani, Amerikani u anke Ażjatiċi.
 

Aborti minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea
20132014
Repubblika tal-Irlanda3,6793,735
Italja128112
Franza 8474
Malta5454
Polonja3824
Pajjiżi oħra108101

 

Aborti minn pajjiżi Ewropej
20132014
Repubblika tal-Irlanda3,6793,735
Irlanda ta' Fuq802837
Skozja182162
Italja128112
Isle of Man9090
Franza8474
Malta5454
Polonja3824
Pajjiżi oħra128129