107 snin mill-Kungress Ewkaristiku li sar Malta

Illum 22 ta’ April jaħbat preċiżament il-107 sena anniversarju mill-Kungress Internazzjonali Ewkaristiku, li fl-1913 kien sar f’Malta, l-24 darba li kien ġie organizzat dan il-Kungress.

Il-Kungress Ewkarisitku beda madwar 30 sena qabel ma kien sar f’Malta, minn Isqof Franċiż li ried jara l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata. Maż-żmien, il-Kungress kiber u sar ċelebrazzjoni internazzjonali, fejn numru kbir ta’ nies jinġemgħu biex jiċċelebraw l-ewkaristija.

Il-kungress ta’ Malta fl-1913 ra l-preżenza ta’ numru kbir ta’ Kardinali, u aktar minn ħamsin isqof minn madwar id-dinja jipparteċipaw, kif ukoll is-sehem ta’ eluf kbar ta’ Maltin li ingħaqdu f’dawn iċ-ċelebrazzjonijet li kienu mifruxin fuq ġimgħa sħiħa.

Ħafna mill-attivitajiet saru fil-Mosta, fejn infetaħ il-Kungress fil-preżenza ta’ folol ta’ eluf ta’ Maltin li mlew it-toroq minn fejn għaddew il-Kardinali, fosthom il-Kardinal li attenda f’isem il-Papa, il-Legat Domenico Ferrata. L-attivitajiet raw ukoll madwar tnax-il elf tifel u tifla jinġabru fil-Floriana u attivitajiet oħra f’Għawdex.

Il-Kungress kien rrapurtat ukoll f’ġurnali barra minn Malta, fosthom f’The Examinor’, gazzetta fl-Awstralja, li rrapurtat il-Kungress għal aktar minn darba. Fost ġurnali oħra li rrapurtaw il-Kungress kien hemm ukoll L’Osservatore Romano li qal li minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, xorta waħda Malta kapaċi torganizza attivitajiet tal-massa bħal dawn daqs bliet oħra bħal Pariġi, Londra u Madrid.

Fir-ritratt nsibu l-monument ta’ Kristu Re li jinsab il-Floriana. Dan sar biex tiġi mfakkra din il-ġrajja storika li seħħet f’pajjiżna. Fi kliem il-Kappillan Dun Salv Chircop, kienet ix-xewqa tal-Ar`isqof Pietru Pace li jinbena tempju maestuż fil-Parroċċa ġdida ta’ Raħal Ġdid b’tifkira ta’ dan il-kungress. Dan kellu jkun xhieda ħajja tal-fidi fl-Ewkaristija u biex dan l-avveniment kbir ma jintesa’ qatt.

Dawn huma whud mill-istejjer storici li s-soċjeta Fil. G.M. Fra Antione De Paule Banda Kristu Re kien ippartecipat fihom kif wkoll illum qed twassal dan it-tagħrif lis-segwaċi tas-Soċjeta’ permezz tal-fergħa l-ġdida fi ħdan is-Soċjetá De Paule Media Group.